Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni kompliet bil-ħidma tagħha fil-lokalita’ tal-Ħamrun. F’operazzjoni li bdiet għall-ħabta tat-8:30 ta’ filgħodu, il-Pulizija hija ġabret 31 immigrant li nstabu jgħixu f’dar u garaxx fi Triq Farsons fil-Ħamrun tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-iskola ta’ Maria Assunta.
Din qed titqies bħala l-akbar bejta li fiha kienu qed jgħixu immigranti taħt l-istess saqaf f’żona residenzjali. Dan wara li ftit tax-xhur ilu l-Pulizija ġabret aktar minn 100 immigrant minn razzett tal-baqar li kien qed jintuża bħala residenza għall-immigranti.
Il-persuni ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija f’vann tal-pulizija fejn hemmhekk ġew mitkellma mill-Pulizija biex tiġi kkonfermata l-oriġini tagħhom, u jekk kinux qed jgħixu f’pajjiżna b’mod regolari.
ONE News hu nfurmat li l-maġġoranza tal-immigranti huma mill-Gambja u s-Senegal, madankollu kollha huma rreġistrati l-Italja. Ġaladarba huma rreġistrati f’dan il-pajjiż, dawn ma jistgħux jaħdmu f’pajjiżna u ma jistgħux idumu Malta aktar minn tliet xhur.Hu mifhum li wħud minnhom qed jispiċċaw f’pajjiżna minħabba l-kriżi ta’ xogħol li hemm fl-Italja.
Sorsi qalu li l-Pulizija waslu għal din ir-residenza wara li aktar kmieni filgħodu interċettat immigrant jitlajja għax-xogħol fi Pjazza Fra Diegu u li wassalhom għal din ir-residenza.
Waqt l-ispezzjoni li ONE News segwa mill-qrib ġie nnuttat kif f’ħin minnhom ħames immigranti taw is-salt u ħarbu minn fuq il-post. Madankollu azzjoni immedjata tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit wasslet sabiex dawn reġgħu ġew arrestati.
Minn informazzjoni li ONE News kiseb minn fuq il-post jidher li l-ġirien ma kinux imħassbin bl-immigranti f’din id-dar b’wieħed mill-ġirien jistqarr magħna li l-anqas kont tisma’ ħosshom għax fi kliemu dejjem ġabu ruħhom sew. Madankollu malli l-Pulizija daħlu ġewwa, sabu tliet ċilindri kbar tal-gass fl-intrata, kollha mqabbdin ma’ xulxin u li setgħu kienu ta’ periklu għalihom u għall-ġirien.
Hu mifhum li sid id-dar li kien fuq il-post fil-ħin kollu tal-operazzjoni u li deher jikkopera b’mod sħiħ mal-Pulizija ġie mitkellem mill-Pulizija, u għad irid jiġi stabbilit jekk kellux liċenzja sabiex jikri u jħaddem din it-tip ta’ residenza.
Intant, fil-garaxx biswit ir-residenza saħansitra kien hemm saqijiet mal-art u li hu mifhum li anke dan il-garaxx kien qed jintuża bħala residenza.
L-operazzjoni kienet immexxija mill-Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni flimkien ma’ dawk tar-Rapid Intervention Unit.