B’reazzjoni għal rapporti ta’ atti vandali fuq vetturi tar-residenti fis-Swieqi, il-Pulizija kkonfermat li, matul il-lejl, żiedet ir-rondi tagħha fl-akwati kemm permezz ta’ uffiċjali bil-mixi kif ukoll bir-Rapid Intervention Unit, l-RIU. Dan bil-għan li jitnaqqsu reati simili u oħrajn.
Fl-aħħar ftit jiem, filmati, li ġew iċċirkolati fuq il-midja soċjali, urew persuni jivvandalizzaw mirja tal-karozzi, b’oħrajn iwettqu atti indiċenti fil-pubbliku.
Fuq talba tal-Kunsill tas-Swieqi, il-Pulizija issa qed tkun iżjed preżenti f’ċerti toroq residenzjali f’żona li fiha jinġabru għadd ta’ persuni li wkoll jipparkjaw il-vetturi tagħhom.
Stħarriġ sena ilu mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika, l-NSO, dwar il-perċezzjoni tal-pubbliku dwar il-Pulizija, wera li 79.5% jippreferu iżjed li jkollhom uffiċjali li jkunu qed jagħmlu r-rondi fit-toroq, milli f’għassa. Fl-aħħar snin sar investiment qawwi mill-Gvern fil-Pulizija tal-Komunità li diġà huma preżenti fil-maġġoranza tal-lokalitajiet fil-pajjiż u sa tmiem din is-sena jkunu mifruxin kullimkien.
Jirriżulta li, fl-aħħar żmien, kien irreġistrat ukoll tnaqqis fir-rapporti ta’ atti vandali li daħlu fl-għases, li skont il-Pulizija stess, jista’ wkoll ikun riżultat ta’ aktar koperazzjoni mill-pubbliku.
Kitba ta’ Andre Mizzi