Fi stqarrija, il-pulizija Żvediża qalu li bħalissa għaddejja tfittxija intensiva għal raġel li allegatament it-Tlieta filgħaxija spara u qatel tliet persuni f’ħanut tal-barbier bl-isem ta’ “Shalom” fiċ-ċentru tal-belt universitarja Uppsala li tinsab ftit ’l bogħod mill-belt kapitali Stokkolma.
Huma qalu li kienu msejħa fuq il-post wara diversi telefonati mill-pubbliku li rrappurtaw ħsejjes simili għal sparatura.
Il-pulizija għadha ma ħarġet l-ebda dettalji dwar l-aggressur jew indikazzjoni dwar il-mottiv wara dan l-attakk. Persuni li kienu fuq il-post waqt il-ħin tal-attakk, qalu li l-aggressur ħarab minn fuq il-post permezz ta’ scooter elettriku.
Fl-Iżvezja attakki ta’ sparaturi u bombi f’dawn l-aħħar snin saru aktar frekwenti hekk kif il-vjolenza mill-gangs kompliet teskala.