F’inqas minn 50 jum wara l-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia, il-Pulizija bil-għajnuna ta’ esperti barranin waslu għall-arrest tat-tliet irġiel nhar l-4 ta’ Diċembru. Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija saħqu li l-investigazzjoijiet għadhom għaddejjin.
Dan filwaqt li l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-akkużati, l-aħwa Alfred u George Degorgio, magħrufa bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż, flimkien ma’ Vince Muscat il-Koħħu, tinsab fi stadju avvanzat ħafna.
Il-qtil li jidher li ġie ppjanat f’dawk li kienu l-imħażen tal-patata fil-Marsa.
Fil-Qorti ħareġ li kien fl-eqqel tas-sajf tas-sena l-oħra li l-akkużati bdew isegwu l-passi tal-blogger.
Ingħad li dakinhar tal-qtil, Alfred Degorgio u Vince Muscat bdew isegwu lil Caruana Galizia fil-Bidnija, waqt li George Degorgio allegatament attiva l-bomba li twaħħlet mal-karozza permezz ta’ messaġġ minn fuq dgħajsa fil-Port il-Kbir.
Matul din is-sena, fil-Qorti ħareġ kif il-Pulizija, mmexxija mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra mill-Iskwadra tal-Omiċidji flimkien ma’ uffiċjali mill-Federal Bureau of Investigation, l-FBI, u l-Europol, kienu waslu għall-akkużati permezz ta’ informazzjoni miġbura mit-torrijiet ċellolari fl-inħawi tal-Bidnija u l-Port il-Kbir.
Tant li waqt l-investigazzjonjiet bdew jiġu nnuttati sett ta’ numri ta’ linji ċellulari li kienu flimkien f’ħafna ħinijiet, fosthom fl-inħawi tal-Bidnija fil-lejl u dakinhar tal-qtil, u anke fil-jiem ta’ qabel.
B’dawn il-provi f’idejha, il-maġistrat inkwirenti ħareġ il-mandat ta’ arrest biex f’operazzjoni kbira ġew arrestati t-tlett akkużati flimkien ma’ seba’ persuni oħra qrib tagħhom.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda bdiet tinġabar quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fl-aħħar tas-sena li għaddiet.
Peter Caruana Galizia xehed fil-qorti li fil-ġurnata ta’ qabel id-delitt u fil-lejl li fih twaħħlet il-bomba, ibnu Matthew Caruana Galizia ħalla l-karozza ta’ ommu barra r-rixtellu tad-dar. Dan għall-kuntrarju ta’ dak li kienet tagħmel Daphne.
Minkejja l-proċeduri fil-qorti, tul is-sena kienu bosta l-eponenti tal-Oppozizzjoni li pprovaw ixekklu l-investigazzjonijiet b’dikjarazzjonijijiet irresponsabbli inkluż fil-Parlament.