Il-Pulzija se tkun qed tressaq il-Qorti lil Luke John Milton, li se jkun akkużat bil-ħtif ta’ Carlos Schembri nhar il-21 ta’ Jannar li għadda.
Huwa se jidher quddiem il-Magistrat tal-Għassa Charmaine Galea u se jiġi akkużat bi ħtif ta’ persuna, arrest illegali u serq.
Sa issa, b’rabta ma’ dan il-każ tressqu l-Qorti ħames persuni oħra, Christian Borg ta’ 28 sena, Thorne Mangion ta’ 27 sena, Tyson Grech ta’ 26 sena, Burton Azzopardi u Jeremy Borg, it-tnejn għandhom 20 sena.
Milton ma kienx tressaq il-Qorti mal-ħames persuni l-oħra minħabba li kien rikoverat l-Isptar Mater Dei.
Fis-seduta tal-bieraħ, Christian u Jeremy Borg ingħataw il-ħelsien mill-arrest, filwaqt li fis-seduta tal-ġimgħa li għaddiet, Burton Azzopardi u Thorne Mangion ingħataw il-ħelsien mill-arrest, fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €5,000.