Justin Farrugia ta’ 30 sena li jgħix il-Ħamrun inżamm arrestat, filwaqt li Yasmine Dimech ta’ 24 sena li tgħix il-Ħamrun inħelset mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet wara li tressqu l-Qorti akkużati b’ħasil ta’ flus.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Tonjoe Farrugia u Robert Azzopardi spjegat kif huma waslu għall-akkużati wara numru ta’ xiri ta’ karozzi mill-akkużata, li wassal biex il-pulizija bdiet tinvestiga lis-sieħeb tal-akkużata.
Intqal kif l-Erbgħa ħareġ mandat ta’ arrest kontra l-imputati u ntqal kif l-investigazzjonijiet bdew f’Jannar tal-2019.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif hemm numru ta’ xhieda pajżana u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li hemm akkużi ta’ natura serja u ntqal kif għad hemm nies li jridu jitilgħu jixhdu.
Id-Difiża qalet kif m’hemmx biża’ li l-akkużati jaħarbu mill-pajjiż, hekk kif għandhom residenza fissa.
Intqal kif l-akkużat kellu xi akkużi fil-passat u qatt ma kiser il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.
Fost il-kundizzjonijiet li hemm fuq Dimech hemm garanzija personali ta’ €4,000 u anke li ma tistax issiefer, ma tistax tersaq lejn ix-xhieda u trid tiffirma darba fil-ġimgħa fl-għassa tal-pulizija.
Il-Qorti ordnat li l-assi tal-imputati jiġu ffriżati.