Stelica State ta’ 44 sena, Ion Palade ta’ 36 sena, Claudiu Dangeanu ta’ 40 sena u Petronela Chiriac ta’ 34 sena kollha mir-Rumanija tressqu l-Qorti fuq traffikar u pussess ta’ droga kannabis.
Huma ġew arrestati wara li fit-8 ta’ Marzu, il-Pulizija ċċirkondaw blokka ta’ appartamenti fi Triq Alfred Craig, Tal-Pietá wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, permezz ta’ ‘Intelligence-Led Policing’.
Fil-Qorti ntqal li Petronela kienet qed tgħix Malta u kellha x’taqsam ma’ qasam ta’ traffikar ta’ droga madwar l-Ewropa. Riċentament ukoll it-tliet Rumeni l-oħra waslu Malta u ingħaqdu ma’ Petronela fl-istess appartament. Hawnhekk fejn l-investigaturi talbu mandat għat-tfittxija fl-appartament, u nstabu mal-10 kilogramma ta’ kannabis, b’valur fis-suq ta’ madwar €150,000.
L-erba’ Rumeni tressqu quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia u huma wieġbu mhux ħatja għal-akkużi miġjuba kontrihom.
Id-difiża kienet immexxija mill-avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Martina Herrera u ma resqitx talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ordnat li jinżammu arrestati u laqgħet talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-imputat u tipprojbixxi t-trasferiment tal-proprjetajiet tagħhom.