Il-Pulizija qed titlob l-għajnuna tal-pubbliku bi kwalunkwe tip ta’ informazzjoni li jaf twassal biex jinstab min seta’ ħalla materjal li jiżloq fi triq fir-Rabat li seta’ wassal għall-mewt ta’ mara.
Kien fit-22 ta’ Ottubru meta, fi Triq l-Imdina fir-Rabat, tħalla materjal li x’aktarx kien il-kawża ta’ inċident fatali li fih tilfet ħajjitha Marie Claire Lombardi, ta’ 45 sena mill-Imġarr.
Marie Claire Lombardi kienet qed issuq mutur meta tilfet il-kontroll tiegħu u mietet kawża tal-ġrieħi li ġarrbet.
Għalhekk, il-Pulizija qiegħda tappella lill-pubbliku biex min għandu xi informazzjoni dwar min seta’ ħalla dan il-materjal, jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali, fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21 224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.