Il-Pulizija qed titlob informazzjoni dwar inċident li seħħ fit-12 ta’ Awwissu li għadda. Dan wara li mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-bugħaddas jista’ jkun intlaqat minn xi opra tal-baħar. Kull min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ, jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.
Christian Degabriele, suldat u missier ta’ 35 sena minn Ħal Għaxaq, huwa l-għaddas li nstab mejjet kmieni l-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart.
Il-katavru tiegħu ntlemaħ qrib il-Gżejjer ta’ San Pawl, wara li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi ta’ bejn ix-Xatt ta’ Buġibba u l-Gżejjer ta’ San Pawl, wara li r-raġel kien qed jogħdos fl-inħawi u ma telax.
Mill-ewwel bdiex tfittxija intensiva mill-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta u l-Protezzjoni Ċivili, li baqgħet għaddejja matul il-lejl, kemm permezz ta’ tim ta’ bugħaddasa kif ukoll b’dinghy u ħelikopter.
Il-katavru ddaħħal fil-Bażi Marittima f’Xatt it-Tiben.