Il-Korp tal-Pulizija qed isaħħaħ id-dipartiment tal-investigazzjonijiet tar-reati finanzjarji.
Fi stqarrija ntqal li x-xogħol tal-investigazzjoni u dak tal-prosekuzzjoni mistenni jinfatam.
Dan ser isir biex l-uffiċjal investigatur ikun iffukat biss fuq l-investigazzjonijiet, filwaqt li l-prosekuzzjonijiet isiru mill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni li se jkun mgħammar bi prosekuturi professjonali, imħarrġa u kwalifikati fil-qasam tar-reati finanzjarji.
Il-Korp tal-pulizija spjega kif jinsab fi stadju avvanzat li jixtri sistema ta’ intelliġenza li tiċċentralizza informazzjoni importanti biex b’hekk jiġu faċilitati l-investigazzjonijiet b’rabta mal-ħasil tal-flus u reati ekonomiċi oħra.
Ġie spjegat li b’din is-sistema il-Korp se jkun f’kuntatt kontinwu ma’ entitajiet oħra Maltin, bit-tir huwa li jitnaqqsu l-ammont ta’ attivitajiet illegali bħal frodi u l-ħasil tal-flus, fost l-oħrajn.
Propju dwar din is-sistema l-ġdida aktar minn tletin uffiċjal se jingħataw taħriġ.
Il-Korp tal-Pulizija saħaq ukoll li sar investiment qawwi fir-riżorsi umani fi ħdan dan id-dipartiment.
Filfatt fil-bidu tas-sena l-oħra dan id-Dipartiment ġie msaħħaħ b’żieda ta’ seba’ spetturi, għal total ta’ tnax-il spettur, filwaqt li f’Lulju tas-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ Supretendent, fejn b’hekk Supretendent wieħed qed jiffoka fuq il-ħasil tal-flus, filwaqt li s-Supretendent l-ieħor jinsab inkarigat mir-reati ekonomiċi.
F’dan id-dipartiment in-numru ta’ pulizija issa tela’ għal tmienja u ħamsin minn wieħed u erbgħin u ġew ingaġġati wkoll analisti pajżana tar-reati ekonomiċi pajżana, bil-għan li flimkien mal-esperjenza tal-pulizija l-ħidma investigattiva tkun aktar effettiva.
Hu mistenni wkoll li mill-bidu tas-sena d-dieħla dan id-dipartiment se jiċċaqlaq u jmur f’binja moderna ta’ tliet sulari f’Santa Venera.