Il-Pulizija qed tinvestiga rapport dwar mewt ta’ mara mir-Rabat b’suspett li setgħet ġiet ivvelenata.
one.com.mt jinsab informat li t-Tlieta li għadda, il-mara li għandha madwar 40 sena, iddaħħlet l-isptar marida mejta u ttieħdet immedjatament fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Hija mietet ftit tas-sigħat wara li ddaħħlet l-isptar.
Sorsi qalu li minn testijiet li saru fuq il-katavru tagħha, irriżulta li l-mara mietet kawża ta’ avvelenament fl-ikel. S’issa għad mhux magħruf jekk il-Pulizija hix tqies dan il-każ bħala omiċidju.
Bi tweġiba għal sensiela ta’ mistoqsijiet minn ONE News, il-Pulizija kkonfermat li qed tinvestiga dan il-każ u li dwaru saret ukoll inkjesta maġisterajali.
Mistoqsija jekk il-Pulizija hix tkellem xi persuni dwar dan il-każ, il-Pulizija qalet li peress li l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin, f’dan l-istadju mhux prudenti li tingħata aktar informazzjoni dwaru.
Sadanittant dan is-sit jinsab informat li l-Qorti rrilaxxat il-katavru tal-mara għad-difna.