lbieraħ filgħaxija numru ta’ immigranti fl-initial reception centre f’Ħal Safi wettqu protesta li għall-bidu kienet waħda paċifika, iżda mal-ħin, filwaqt li l-maġġor parti obdew l-ordnijiet, sezzjoni mill-istess immigranti saru aggressivi.
B’intervent tal-forzi tas-sigurtà, b’mod speċjali dawk tad-DS u l-Pulizija, bl-assistenza tal-armata, is-sitwazzjoni ġiet kontrollata.
Il-pulizija qed twettaq l-investigazzjonijiet neċessarji b’rabta ma’ din il-protesta.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jixtieq jirringrazzja lill-ħaddiema kollha li taw sehemhom kif ukoll lir-rappreżentant tal-UNHCR.
Intant, b’referenza għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jrid jiġbed l-attenzjoni li fl-Initial Reception Centre f’Ħal Safi hemm l-immigranti li qed jistennew li jiġu rilokati fil-pajjiżi li qablu li jiħduhom.
L-aġenzija Ewropea EASO qiegħda tagħmel l-assessjar sabiex isiru l-proċessi ta’ rilokazzjoni fil-pajjiżi membri u li dan isir fl-iqsar żmien possibli.
Il-Kummissjoni Ewropea qed issegwi l-proċess kollu mill-qrib biex jittieħdu l-immigranti kollha li tniżżlu skont il-pledges li saru għal kull diżimbark minn fuq bastimenti tal-NGOs.