L-inkjesta Egrant kixfet li dokumenti li kienu preżentati bħala declaration of trust kienu foloz. U issa l-Pulizija mistennija tibda tinvestigahom.
L-investigazzjoni tal-Pulizija mistennija tkun waħda kumplessa u mhux faċli għax se tipprova tistabilixxi min huma l-imħuħ u l-idejn wara l-firem foloz. Dan f’każ mimli gideb u kontradizzjonijiet.
Fl-inkjesta tiegħu, l-Maġistrat Aaron Bugeja nnota li d-dokumenti ppreżentati lilu minn Pierre Portelli, dakinhar ġurnalist illum l-id il-lemijina ta’ Adrian Delia, huma dokumenti foloz li sal-istadju tal-inkjesta l-moħħ warajhom kien għadu mhux magħruf.
Dawn id-dokumenti kellhom firem ta’ Jaqueline Alexander fejn fix-xhieda ġuramentata tagħha, Alexander innegat li dawk kienu l-firem tagħha.
Ix-xhieda tagħha ġiet konfermata minn kumpanija ta’ esperti forensiċi Ingliżi fejn qalu lill-Qorti Maltija li l-firem propja tas-Sinjura Alexander u dawk fid-dokumenti ma jaqblux.
Is-sena l-oħra fil-perkors tal-inkjesta, Portelli ma ddejjaq xejn milli jsemmi li hu kien l-uniku persuna apparti l-whistleblower Russa li kien ra dawn id-dokumenti.
Jien l-uniku wieħed fostkom kollha li d-dokumenti tal-whistleblower rajthom ukoll. Jien rajthom ukoll. Jien però u jekk taħseb li hi scoop ħudha bħala scoop jien ma stajtx nipubblika dawk id-dokumenti bħal ma setax jippubblikom ħadd għaliex il-whistleblower hija ta’ nazzjonalità russa, marret għand l-ambaxxata russa biex tieħu l-pariri u wissewha li jekk ma timxix ma dak li qallha l-maġistrat mhux sejrin jgħinuha. Biex inkunu ċari għalfejn dawn ma ħarġux.
Id-dokumenti kienu wieħed mill-fatturi li urew kemm Egrant kienet gidba. Maria Efimova, Pierre Portelli u Daphne Caruana Galizia spiċċaw imeru lil xulxin kontinwament. Bil-Maġistrat ikun iebes fuq dan ukoll.