Il-Korp tal-Pulizija qed jinvestiga ħoss ta’ splużjoni żgħira matul il-lejl quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Dan jidher li seħħ f’dustbin barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bil-lejl.
“Hawn kollox kalm u ma weġġa’ ħadd u m’hawnx ħsarat lanqas. Iżda, kif jiġri f’każi simili, il-Pulizija trid tistħarreġ biex ma tieħu ebda ċans. Bħalissa l-Pulizija qed tagħmel dak ix-xogħol,” qalet il-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard minn fuq il-post li appellat għal kalma sħiħa.
Fuq Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela kiteb dwar dan il-każ, u qal li l-Pulizija u s-sezzjoni tal-Bomb Disposal tal-Forzi Armati ta’ Malta qed jagħmlu xogħolhom biex jassiguraw li m’hemm ebda riskji oħra.
Huwa serraħ ras kulħadd li fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, kulħadd jinsab tajjeb u s-sitwazzjoni hija waħda ta’ kalma.
Sadanittant it-triq ta’ quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għadha magħluqa sakemm isegwu l-investigazzjonijiet neċessarji mill-forzi tal-ordni.