Il-pulizija għadha trid tistabilixxi l-persuna li kienet fil-mira wara li allegatament Jomic Calleja prova jixtri l-velenu, materjal radjoattiv kif ukoll splussiv tat-tip C-4.
Fil-Qorti kompla jinstema’ l-każ ta’ Jomic Calleja ta’ erbgħa u tletin sena li joqgħod Ħaż-Żebbuġ li qed jaffaċja akkużi li allegatament pprova jdaħħal splussiv f’Malta.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent George Cremona u l-ispettur Omar Zammit infurmaw lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li l-investigazzjonijiet tal-pulizija f’dan il-każ għadhom għaddejjin.
Allegatament bejn Ġunju u Lulju li għadda, Calleja prova jixtri minn siti online fid-dark web, velenu u materjal radjoattiv.
B’dan il-materjal radjoattiv, erba’ snin ilu fir-Renju Unit kien inqatel l-eks spija Russu Alexander Litvinenko.
Il-pulizija qalet li s-sajf li għadda l-akkużat xtara splussiv mill-Istat Uniti.
Fix-xhieda tal-kuntistabbli Jerome Attard Flores, mill-Uffiċċju tal-Armi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, dan qal li Calleja qatt ma applika mal-pulizija biex ikun jista’ jimporta l-isplussiv f’Malta.
Xehed ukoll Anthony Vella, rappreżentant tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA li qal li l-akkużat kien uża l-isem ta’ Jomic Grech, li kien wara s-sit “Bitcoin and AutoTrader” li kienet topera minn showroom fi Triq l-Imdina Ħal Qormi. Eventwalment s-sit ingħalaq.
L-avukat ta’ Calleja informa lill-prosekuzzjoni li l-akkużat kien lest jagħti l-passwords għall-apparat teknoloġiku li ġie konfiskat.
Il-prosekuzzjoni rrimarkat li meta l-pulizija kienu talbuh l-passwords huwa naqas milli jikkollabora magħhom u qalilhom li m’hu se jtihom xejn.
Intant il-pulizija qalet li għandha f’idejha konversazzjonijiet bejn il-bejjiegħ tal-materjal radjoattiv u l-akkużat.
Il-pulizija qalet li l-bejjiegħ kien spjega lill-akkużat li jekk l-materjal radjoattiv jagħmlu jew mal-ikel jew max-xorb, fi żmien ġimagħtejn dak li jkun ikkunsmah jmut kawża ta’ pneumonia.
Allegatament, Jomic Calleja ried jixtri ħames dożi, u ried juża l-velenu għal persuna li tiżen bejn ħamsa u ħamsin u ħamsa u sittin kilogramma, b’tul ta’ bejn mija ħamsa u sittin u mija ħamsa u sebgħin ċentimetru.
Intant Jomic Calleja talab għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħditlu t-talba.