Il-Pulizija qed tinvestiga filmati li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali, li fihom instemgħu u dehru xi nies iħeġġu raġel jaqbeż minn fuq is-sur tal-Belt waqt li kien se jagħmel suwiċidju.
Waqt li r-raġel kien f’xifer l-irdum, kien hemm min instema’ jgħidlu biex jeħles u oħrajn biex ifittex jinfaqa’ ħa jmorru ’l hemm.
Li ma kienx għal diversi Pulizija u psikjatra li kienu fuq il-post u bdew jikkalmaw lir-raġel, dan il-każ seta kellu konsegwenzi ferm agħar.
Ir-raġel ittieħed l-isptar b’ambulanza għall-kura.
Dan l-episodju xokkanti ġab il-kundanna ta’ bosta.
Fi stqarrija ċara u bi kliem iebes, il-Fondazzjoni Richmond qalet li qed tappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjoni tal-Pulizija u tenniet kif l-aġir ta’ dawn in-nies kien ta’ natura serja ħafna.
Il-Fondazzjoni qalet li se ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex turi li kriżijiet ta’ saħħa mentali jistgħu jolqtu lil kulħadd fl-istess waqt li żżid l-għarfien u l-edukazzjoni, partikolarment fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u mal-pubbliku in ġenerali.
L-istqarrija appellat lil kull min qed jaffaċċja sfidi mentali jew jaf b’xi nies li għaddejjin minn din it-tip ta’ tbatija, jagħmel kuntatt mal-Fondazzjoni fuq il-linja 1770 jew permezz ta’ chat online erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Fi stqarrija oħra, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ħaddiema Soċjali kkundannat bil-qawwa l-insensittività li wrew uħud lejn dan ir-raġel fl-aktar mument vulnerabbli f’ħajtu.
L-Assoċjazzjoni qalet li bħala soċjetà, irridu naħdmu ħafna fejn jidħol l-għarfien fuq is-saħħa mentali.
L-Alleanza favur is-Saħħa Mentali wkoll esprimiet ir-rabja tagħha lejn dak li ntqal.
Qalet li meta wieħed ikun sensittiv, jista’ jipprevjeni suwiċidju milli jseħħ.
Intant, kien hemm ukoll ħafna kummenti fuq il-mezzi soċjali kollha, b’bosta jistaqsu dwar fejn marru l-valuri tagħna l-Maltin. Oħrajn urew solidarjetà mar-raġel u kkundannaw il-kummenti insensittivi.