Fl-aħħar tliet snin saru 886 rapport mal-pulizija b’rabta ma’ serq minn fuq persuni jew inkella fil-preżenza tal-vittmi.
Dawn ir-rapporti jvarjaw minn Hold Ups – iġifieri serq bl-użu ta’ arma; attentat ta’ Hold Ups; Mugging – jiġifieri serq ta’ oġġetti minn fuq persuni permezz ta’ vjolenza; u Snatch and Grab, jiġifieri meta wieħed jisraq minn fuq persuna mingħajr l-użu ta’ vjolenza, iżda l-persuna tkun konxja li nsterqulha oġġetti, bħal ngħidu aħna l-mobile minn idejha, jew il-handbag minn fuq spallitha.
Mis-sena 2015 ’l hawn id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali investiga; 592 każ ta’ ‘Snatch and Grab’, 202 każi ta’ ‘Mugging’, flimkien ma’ 112 ‘l każ ta’ ‘Hold up’ u 25 attentat ta’ ‘Hold up’.
L-aktar reat komuni huwa dak imsejjaħ ‘Snatch and Grab’ li jsir b’tattika u ħeffa liema bħalha, kif jispjega l-Ispettur James Grech. Qal kif dawn il-każijiet flimkien ma’ Mugging iseħħu l-iżjed f’żoni li fihom joperaw dawk li jmexxu d-droga. “Ġeneralment il-persuna li minn għanda jixtru d-droga, jaċċettaw dawn l-affarijiet, jiġifieri f’temp ta’ siegħa tkun ġa tlift ħafna għax dan ikun ġa partat il-ġiżirana jew xi jkun seraq ma’ droga”, qal l-Ispettur James Grech.L-anzjani minħabba l-vulnerabilità tagħhom huma l-aktar fil-mira ta’ dawn iż-żewġ reati, filfatt appella sabiex l-anzjani jevitaw toroq mudlama jew imwarrba. L-Ispettur Grech qal li persuna għanda żżomm il-‘handbag’ fuq in-naħa l-oħra tat-triq, jiġifieri jekk it-traffiku ġej min-naħa tax-xellug, persuna għanda żżommu fuq il-lemin, biex jekk tgħaddi karozza ma’ tkunx tista’ tiġbdu għax il-‘handbag’ ikun in-naħa l-oħra.
Bosta rapporti ta’ Snatch and Grab isiru dwar serq ta’ mobiles, li jittiħdilhom minn idejhom, fejn qal li “llum hawn tendenza li dak li jkun ikun mitluf fuq il-‘mobile’, qas ikun jaf x’inhu jagħmel u jiġri madwaru u dak li jkun għandu jilimita mil-‘mobile’ u jiffoka fejn għaddej”.
L-Ispettur Grech jgħid li r-reati ta’ Mugging u Snatch and Grab isiru perjodikament.
Ħafna drabi jkun hemm ġimgħat bla rapport wieħed, imbagħad ikun hemm perjodu fejn tiġi nnuttata żieda qawwija fir-rapporti, bl-istħarriġ juri li persuna ma twettaqx dan ir-reat darba biss, u ġeneralment minn jagħmel l-ewwel reat, jagħmel it-tieni, it-tielet u anke r-raba’ wieħed u jibqa’sejjer.
L-spettur James Grech temm jgħid kif dawn ir-reati jġorru piena ta’ bejn ħames xhur u tletin sena ħabs.
Spejga li dawn ir-reati jistgħu jkunu serji ħafna, u fakkar kif f’Diċembru 2010 saħansitra kien hemm każ ta’ ‘mugging’ li wassal għal-mewt. Dan hekk kif anzjana li ġibdulha handbag f’Tas-Sliema tefgħuha mal-art u eventwalment mietet.