Il-Pulizija qed tinterroga aktar persuni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija l-pulizija qalet illi fis-sigħat illi għaddew il-Pulizija kompliet tinterroga numru ta’ persuni oħra fil-każ tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
llejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta filgħodu kien lejl twil ta’ investigazzjonijiet għall-investigaturi ewlenin.
Il-pulizija għamlet siegħat twal fil-jum tat-Tnejn tinterroga lin-negozjant Yorgen Fenech, liema interrogazzjoni kompliet fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu.
Bil-pulizija fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija qed tinterroga aktar persuni b’suspett li setgħu kienu involuti fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Yorgen Fenech ġie arrestat għat-tielet darba f’ħamest ijiem nhar il-Ħadd waranofsinhar. Fil-fatt, illum wara nofsinhar se jgħalqu t-48 siegħa, li Fenech jista jinżamm arrestat.
Qed isirulu zewġ interogazzjonijiet. Huwa qed jiġi interrogat mill-Kap tal-iskwadra tal-omiċidji u l-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-ispettur Keith Arnaud, assistit mill-ispettur Kurt
Zahra, b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Yorgen Fenech qed jiġi interrogat ukoll mill-Assistent Kummissarju Ian Abdila dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.
Il-pulizija ilha sentejn sħaħ tinvestiga dan il-każ. Bl-għajnuna tal-FBI u Europol.
B’50 jum wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia l-pulizija arrestat tliet persuni u ġew mixlija bħala l-eżekuturi f’dan il-każ, li għadhom qegħdin jinżammu arrestati fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin.
Iżda l-investigazzjonijiet tal-pulizija intensifikaw matul din il-ġimgħa fejn ġie arrestat Yorgen Fenech. L-unika arrest li għamlet il-pulizija din il-ġimgħa b’rabta ma’ dan l-omiċidju.
Kif jiġri fi proċess normali ta’ investigazzjoni, il-pulizija sejħet numru ta’ persuni fil-kwartieri ġenerali tagħha sabiex tkellimhom għal ftit minuti.
L-investigaturi ewlenin tkellmu ma’ diversi persuni minn kull sfera tas-soċjetà fosthom negozjanti u nies fil-qasam legali, fosthom l-avukat David Gatt.