Matul il-jum tas-Sibt, il-Pulizija ħarrket diversi persuni li ħarġu jiċċelebraw ir-rebħa ta’ Ħamrun Spartans u kisru r-regolamenti maħruġa kontra l-imxija tal-COVID-19.
Il-Pulizija kkonfermat dan fi stqarrija fejn fiha qalet ukoll li apparti għaċ-ċelebrazzjoni fil-Ħamrun, il-Pulizija mmultat ukoll numru ta’ persuni li kienu fi spazji pubbliċi bħal promenades u li kienu fi gruppi akbar minn dak li suppost.
ONE News jinsab infurmat li l-ewwel għan tal-Pulizija fil-Ħamrun kien li tferrex il-gruppi ta’ nies li nġabru qaqoċċa u wara ftit ġie kollox taħt kontroll, tant li filgħaxija kienet lejla kwieta.
Matul l-aħħar jiem intensifikat il-ħidma t’infurzar madwar il-gżejjer Maltin, bil-forzi tal-ordni, uffiċċjali mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u spetturi tas-Sanità għamlu diversi rondi madwar il-pajjiż kollu fosthom f’residenzi privati.
Fl-istqarrija l-Pulizija qalet ukoll li dawn ir-rondi diġà bdew matul il-ġurnata tal-Ħadd fosthom f’postijiet fejn isiru l-picnics u postijiet oħra li jiffrekwentaw in-nies.
Il-Pulizija qalet li jekk xi ħadd jara min jikser id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa b’rabta mal-imxija, wieħed jista’ jirrapporta billi jċempel fuq 21 224 001.
AQRA WKOLL
https://www.one.com.mt/2021/03/07/spezzjonijiet-kontinwi-mill-mta-s-sibt-filghaxija/