Il-Pulizija kkonfermat li l-Avukat u l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien ħareġ informazzjoni li kien qed ikollu mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-konċessjonijiet tal-isptarijiet, inkluż meta kien mgħarraf minn qabel li se ssir tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat f’Jannar tal-2022.
Dan ħareġ mix-xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u s-Supretendent tal-Pulizija James Grech quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti, f’kawża Kostituzzjonali miftuħa minn Dr Muscat stess.
Mix-xhieda, it-Tlieta waranofsinhar, ħareġ kif jum qabel kellha ssir it-tfittxija fuq id-dar tal-eks Prim Ministru f’Burmarrad, Jason Azzopardi, li dak iż-żmien kien għadu membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni, ċempel personalment diversi drabi lill-espert tal-Qorti Keith Cutajar.
Fix-xhieda ntqal kif waqt li Cutajar kien ġurnata off u kien barra jdur bil-mutur u ma weġibx lil Azzopardi, bid-Deputat Nazzjonalista baqa’ jippersisti jċempillu.
Imbagħad l-espert tal-Qorti bagħatlu li jekk għandu informazzjoni jista’ jgħaddiha direttament lill-Maġistrat Gabriella Vella.
Aktar tard dakinhar stess, Jason Azzopardi kiteb fuq il-midja soċjali fejn indika b’mod ċar li se ssir tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru.
Mix-xhieda fil-Qorti ħareġ kif dakinhar stess, waranofsinhar, saret laqgħa bejn il-Maġistrat Gabriella Vella, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, l-Ispettur Anthony Xerri, Keith Cutajar u s-Supretendent James Grech.
Intqal kif il-Maġistrat Vella kienet ħafna rrabjata li l-Avukat Azzopardi kien jaf b’dan u kixef operazzjoni li kienet se ssir, waqt li ntqal li iżda ma saret l-ebda investigazzjoni dwar dawn il-leaks.
Jirriżulta li, imbagħad, it-tfittxija fid-dar ta’ Joseph Muscat saret jumejn wara l-jum oriġinarjament intenzjonata. Minkejja dan, kif irrapportat diversi drabi, jirriżulta li anke f’din id-data differenti wkoll kien hemm preżenti f’Burmarrad esponent jew esponenti tal-establishment Nazzjonalista.