Matul il-lejl li għadda għall-ħabta tas-1am, waqt li l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u d-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali kienu qegħdin jagħmlu road checks fi Triq Dun Karm, Birkirkara, innutaw karozza suspettuża tat-tip Volkswagen Passat li hekk kif min kien qed isuqha nduna bihom, ipparkja fil-ġenb tat-triq u tefa d-dawl. Wara ftit dan qabad u rriversja tul it-triq kollha u saq lejn il-Knisja ta’ Birkirkara.
Kif raw hekk il-Pulizija marru warajh biex jilħquh iżda dan beda jsuq b’veloċità eċċessiva u b’mod traskurat tant li laqat xi vetturi li kienu pparkjati u kkawżalhom diversi ħsarat. Madanakollu, f’mument minnhom, il-Pulizija rnexxielha tiċċirkondah iżda hu reġa’ rriversja fuq vettura tas-servizz. Kien hawnhekk li l-Pulizija kellha tispara xi tiri lejn ir-roti tal-vettura tas-suspettat bil-għan li jwaqqfu lil din il-persuna milli tkompli tagħmel iktar ħsara jew saħansitra tweġġa’ jew toqtol lil xi ħadd.
Sussegwentement, is-suspettat baqa’ jsuq u għadda kontra l-one way iżda ftit wara twaqqaf mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u ġie arrestat.
Ir-raġel, li huwa magħruf sew mal-Pulizija, kien qiegħed jikser il-kundizzjonijiet tal-bail meta kien barra f’ħin li mhux suppost u l-vettura li kien qiegħed jagħmel użu minnha kellha pjanci barranin.
Ir-raġel li għandu 37 sena residenti San Pawl il-Baħar beda wkoll jilmenta minn xi uġigħ peress li kien għadu kemm għamel operazzjoni xi ġranet qabel u għaldaqstant ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura neċessarja. Ftit tal-ħin wara huwa ġie rrilaxxat mill-Isptar wara li ġie nvistat mit-tobba.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-Inkjesta li ġiet appunta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.