Il-Pulizija xejnet għalkollox rapport f’The Times of Malta meta allegat li l-awtoritajiet Maltin ma kkoperawx mal-awtoritajiet Spanjoli dwar l-invesitgazzjonijiet li għaddejjin b’rabta ma’ Dr Adreina Fenech Farrugia li ġiet sospiża minn Direttur tas-Sajd u l-Akwakultura fuq allegazzjonijiet li talbet ħlas minn kumpanija Spanjola biex tiżdied il-kwota tat-tonn.
Fi stqarrija, il-Pulizija ta’ Malta qalet li t-Taqsima Kontra r-Reati Ekonomiċi bdiet tinvestiga l-każ f’Ottubru li għadda malli l-Pulizija ta’ Malta tgħarrfet bl-allegazzjonijiet. Qalet li eżatt wara bdiet inkjesta maġisterjali biex tinġabar l-evidenza u tibda tinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.
Il-Pulizija qalet li għamlet kuntatt mal-awtoritajiet Spanjoli b’mod immedjat anke bl-għajnuna tal-Europol. Qalet li dan sar kemm mill-Pulizija ta’ Malta u kemm mill-esperti mqabbda fl-Inkjesta Maġisterjali. Żied jingħad li l-investigaturi siefru wkoll lejn Madrid biex jiltaqgħu mal-awtoritajiet Spanjoli dwar dan il-każ.
Il-Pulizija qalet li għall-kuntrarju ta’ dak li ġie rapportat fil-ġurnal The TIMES tal-Ħamis, li kwotat sorsi qrib l-investigazzjonijiet Spanjoli jgħidu li l-awtoritajiet Spanjoli ma kellhomx assistenza minn Malta, u li l-Gvern Malti ma kkoperax mal-awtoritajiet Spanjoli, il-Pulizija Maltija qalet li permezz tal-Iskwadra Kontra r-Reati Ekonomiċi, ikkoperat bi sħiħ mal-awtoritajiet Spanjoli u għaddiet l-informazzjoni kollha mitluba permezz tal-Europol.
Il-Pulizija temmet tgħid li fid-dawl tal-fatt li għaddejja inkjesta maġisterjali dwar il-każ ma tistax tgħaddi aktar dettalji dwar din l-investigazzjoni.
Intant fi stqarrija mibgħuta lill-midja, Dr Andreina Fenech Farrugia kompliet tiċħad bil-qawwa l-allegazzjonijiet li saru kontriha. Hija sostniet li t-traskrizzjonijiet tat-telefonati ġew miżinterpretati u ttieħdu barra mill-kuntest tagħhom. Hija ċaħdet li talbet xi flus għaliha personali u qalet li huwa ovvju li jekk l-operaturi talbu żieda leġittima fil-kwota tat-tonn, kellu jintalab ħlas għad-dipartiment li kienet tmexxi. Qalet li dawn il-ħlasijiet kienu jsiru lilha bħala direttur.
Fl-ittra tagħha hija żiedet tħgid li ħadet passi kontra l-operatur li qed jiġi allegat li kienet f’kollużjoni miegħu u saħqet li se tkompli tikkopera mal-awtoritajiet biex toħroġ il-verità u l-impressjonijiet żbaljati li saru kontriha fl-aħħar jiem.