Il-Korp tal-Pulizija ċaħad li talab lil xi persuna li tmexxi paġna fuq il-midja soċjali biex jitneħħa filmat ta’ kuntistabbli minn fuq ‘Tiktok’.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li s-Sibt li għadda kuntistabbli tellgħet filmat u malli l-amministrazzjoni tal-korp saret taf b’dan filmat, il-kuntistabbli ġiet ordata tneħħi l-filmat li poġġiet.
Il-korp saħaq li immedjatament ukoll bdiet investigazzjoni min-naħa tat-Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li bdew proċeduri dixxipplinarji fil-konfront tal-Pulizija.
F’din l-istqarrija ntqal kif l-unika ordni li ngħatat mill-korp kienet biss lill-kuntistabbli sabiex din tneħħi l-filmat minn fuq il-midja soċjali.
Intqal ukoll li jekk l-investigazzjonijiet jirriżultaw li xi uffiċjal tal-pulizija abbuża mill-pożizzjoni tiegħu u għamel kuntatt ma’ persuni jew persuni biex ineħħu l-filmat, se jittieħdu passi kontrih.