Il-Pulizija ċaħdet b’mod kategoriku allegazzjonijiet li saru minn tmien għaqdiet mhux governattivi li ma ħadet l-ebda passi f’każ ta’ allegata vjolenza domestika.
Il-każ jdur ma’ filmat meħud f’Tas-Sliema li allegatament kien juri raġel jifqa’ bieb ta’ ħanut b’daqqiet ta’ sieq quddiem bosta nies fosthom turisti.
Wara li r-raġel irnexxielu jifqa’ l-bieb huwa deher dieħel fil-ħanut u jimbotta persuna li kien hemm fil-ħanut li pprovat tirreżistih.
Fi stqarrija konġunta ppublikata tard il-Ġimgħa filgħaxija, l-għaqdiet mhux governattivi allegaw li ma ttieħdu l-ebda passi fuq dan il-każ.
Huma qalu li kienu ddiżappuntati li ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-Pulizija. L-għaqdiet fakkru kif jistgħu jittieħdu passi kriminali rigward vjolenza domestika anke fin-nuqqas ta’ rapport mingħand il-vittma.
Qalu wkoll kif il-vjolenza domestika m’hiex kwistjoni privata iżda waħda komuni u li f’dan il-każ mhux biżejjed li wieħed jgħid li ħadd ma għamel rapport.
Min-naħa tagħha, il-Pulizija ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet, u qalet li fil-25 ta’ Frar, il-Pulizija tad-distrett flimkien ta’ membri mir-Rapid Intervention Unit issejħu fuq rapport ta’ vjolenza domestika. Minn investigazzjonijiet irriżulta li dan seħħ f’negozju. Iżda ħareġ li s-sid tan-negozju ma riedx li jittieħdu passi u li l-allegata vittma ma kkoperatx mal-Pulizija u lanqas identifikat l-aggressur.
Minkejja dan u minn l-investigazzjonijiet li saru, il-Pulizija temmet tgħid li l-aggressur ġie identifikat u nħarġu akkużi fil-konfront tiegħu.