Il-Pulizija ħarket tnax-il kaċċatur dwar kaċċa illegali waqt aktar minn elfejn u mitejn spezzjoni li saru fl-istaġun tal-kaċċa tar-Rebbiegħa għas-Summien.
Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li matul dawn l-ispezzjonijiet, li saru mis-Sezzjoni tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva bl-għajnuna ta’ 50 Pulizija u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, kien hemm kaċċatur li ġie mħarrek darbtejn, u ieħor li nqabad jonsob.
B’hekk bi tlettax-il taħrika matul dan l-istaġun, li għalaq fl-aħħar jiem, inħarġu aktar taħrikiet mis-sentejn ta’ qabel f’daqqa.
Fost l-arresti li saru b’rabta ma’ kaċċa llegali, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 32 sena, wara rapport li fl-inħawi taż-Żebbiegħ, fl-Imġarr, ġew sparati tiri immirati lejn ċikonja sewda, li hija tajra protetta.
Waqt l-arrest tiegħu, fil-karozza, instabet arma tan-nar immodifikata, li kienet ikkargata u moħbija f’kompartament wara s-seat.
Matul dan l-istaġun, il-Pulizija kkonfiskaw 12-il senter tal-kaċċa, xbieki għall-insib u birdcallers.
Dan filwaqt li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet wara diversi rapporti minn għaqdiet mhux governattivi.
Intant fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li matul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa saret kaċċa għall-gamiem.
“Xejn inqas minn 65% tal-kaċċaturi attivi kienu osservati weqfin fid-dura u f’postijiet magħrufin għall-passa tal-gamiem, waqt li 21% biss tal-kaċċaturi li dehru filgħodu kienu ġenwinament qed jikkaċċjaw għas-summiena”, saħqet il-BirdLife.