Partijiet mill-filmati minn bodycam tal-Pulizija mill-inċident fi Triq il-Kbira San Ġużepp ix-xahar li għadda, li nxterdu fuq il-midja soċjali, qed jiksru l-liġi u qatt ma kellhom jixxandru u jiġu ċċirkolati.
Jirriżulta li nħarġu biss partijiet selettivi mill-filmati mill-inċident fejn uffiċjali tal-Pulizija ġew aggrediti minn ħames persuni, li wkoll qed jiffaċċjaw proċeduri ġudizzjarji. Il-filmati nħarġu wara li dawn ġew ippreżentati lill-Qorti bħala parti mill-provi u ġew ukoll f’idejn id-difiża.
Fil-fatt, il-Korp tal-Pulizija, fi stqarrija l-Ħamis filgħodu, iddeplora tali aġir mhux biss għax ġiet injorata l-liġi, iżda wkoll għax minn filmat ta’ madwar 23 minuta, intagħżlu partijiet speċifiċi u xxandru biss madwar tliet minuti minnu.
Tħabbar li se tkun qed tiġi informata l-Qorti b’dan ir-rigward.