Il-Pulizija qalet lil ONE News li l-investigazzjonijiet dwar l-inċident fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun għadhom għaddejjin, dan fl-istess waqt li l-Partit Nazzjonalista ddikjara li l-każ, li ħalla raġel midrub serjament, hu passat u saħansitra spin ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet.
L-inċident fejn il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma tħalliex jidħol fil-każin tiegħu stess mill-barman Manuel Attard, kanvażer magħruf tal-Eks Viċi Kap Mario Demarco, wassal għal aggressjoni fuq kanvażer tal-Kap innifsu, Noel Mifsud Bonnici, li ħtieġlu jiġi rikoverat fl-Isptar Mater Dei.
Mifsud Bonnici spiċċa operat f’siequ l-leminija wara li grupp ta’ rġiel, li għadhom mhux magħrufa, ċarrtulu l-legaments.
Fi tweġiba għal mistoqsijiet ta’ ONE News, il-Pulizija qalet li, minħabba li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet, “ma jkunx prudenti li tiżvela aktar informazzjoni f’dan l-istadju”.
Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem tiegħu Darren Carabott, nhar it-Tlieta ttanta jċekken jew jidfen kompletament il-każ meta ġie ffaċċjat b’mistoqsijiet speċifiċi dwar dan.
Carabott, li ġie elett minn fuq l-Ewwel Distrett, ukoll ipprova jirredikola lill-ġurnalista ta’ ONE News meta qalilha li qed tgħix fil-passat u ddikjara li dak li ġara kważi tliet ġimgħat ilu hu biss spin medjatiku.
Nhar it-Tlieta, f’ton ta’ arroganza tipika Nazzjonalista, Carabott qal lil ONE News li ma jridx ikun parteċipi fl-ispin li, skontu, qiegħda tagħmel din il-kamra tal-aħbarijiet.
Darren Carabott: “Jiena miniex se nkun parteċipi mal-ispin li intom għaddejjin biha, kif għedt inti issa li ilha ġimagħtejn u fuqhom… Jidher li għadek imwaħħla fil-passat, kif għedt inti, għax din ilha rrapportata, flok qed tirrakkonta affarijiet li ġraw ftit tal-jiem ilu.”
Il-każ nhar it-13 ta’ Awwissu li għadda wkoll ġie segwit b’rapporti fil-gazzetti kollha, ħlief dawk ta’ Medialink, waqt li opinjonisti stqarrew li dan wera li l-ġlied fil-Partit Nazzjonalista qatt ma kien daqshekk ċar, xhieda ta’ kemm Bernard Grech hu Kap dgħajjef.
Wara dakinhar il-Partit Nazzjonalista mhux biss dam ħamest ijiem sħaħ biex ħareġ stqarrija ta’ sentenza kollox fejn qal li l-Każin tal-Ħamrun se jingħalaq temporanjament, iżda kif żvelat mill-gazzetta KullĦadd minn wara l-kwinti kienu qed iseħħu laqgħat sħan fid-Dar Ċentrali.
Hawnhekk dawk ta’ Bernard Grech, maħruqin li l-Kap ġie rredikolat f’daru stess, bdew jinsistu għal forma ta’ tpattija. Hu sigriet magħruf kif Carabott hu wieħed minn dawk l-aktar fdati mill-Kap.
Kif żvela ONE News, il-Partit Nazzjonalista wkoll spiċċa jiddikjara l-għeluq temporanju tal-każin meta fil-verità dan ingħalaq jiem qabel għax il-barman Manuel Attard kien effettivament telaq mal-familja tiegħu fuq vaganza twila aktarx ippjanata minn qabel.
Ritratti tiegħu fuq Facebook juruh jippoża ma’ qrabatu f’Montecarlo wara li telqu overland minn Malta għall-Italja ġranet qabel l-istqarrija xotta Nazzjonalista.
Sadanittant il-vittma tal-aggressjoni, mhux biss ġie abbandunat anke minn Bernard Grech innifsu, li fil-ħin li kien qed jissawwat, kompla mal-partitarji fil-marċ tal-Ħamrun. Tant li bint Mifsud Bonnici qalet li missierha kien “il-ħaruf tas-sagrifiċċju” li wkoll tħalla sulu.
Pubblikament hu wkoll ma sab l-ebda konfort mill-Partit Nazzjonalista u wisq inqas inħarġet kundanna uffiċjali għal dak li għadda minnu minn Nazzjonalisti stess.