Fil-karozza ta’ Romeo Bone, li nhar it-Tnejn kienet l-aħħar minn sensiela li spiċċaw sploduti permezz ta’ bomba, instabu kemm droga kif ukoll armi. Ikkonfermaw dan mal-gazzetta KullĦadd imkejjen qrib l-investigazzjoni li, filwaqt li qagħdu lura ħafna milli jagħtu dettalji f’mument meqjus bħala kritiku għall-investigazzjoni, fissru kif din is-sejba hija ħolqa żgħira oħra f’investigazzjoni kbira li tinsab għaddejja. Bone, li għandu rekord kriminali, spiċċa tilef iż-żewġ saqajn u sofra ġrieħi gravi oħra.
Tagħrif miksub minn imkejjen differenti fil-Korp tal-Pulizija jgħid li l-investigaturi għandhom idea tajba ħafna ta’ x’qiegħed jiġri u min jistgħu jkunu l-klikek ta’ kriminalità involuti fil-każ. Iżda mhux dejjem huwa faċli li wieħed iressaq in-nies il-Qorti, speċjalment meta l-imħuħ kriminali u professjonali ftit li xejn ikunu ħallew traċċi. Wieħed irid jikkunsidra wkoll li, f’pajjiż bħal tagħna, il-pulizija taħdem f’qafas ta’ liġijiet ta’ pajjiż ċivilizzat.
Minkejja dawn il-każi li seħħew din is-sena taw xaqq ta’ dawl ġdid lill-investigaturi li donnhom jafu sew x’inhuma l-motivi u l-ħsibijiet ta’ dawk li mhuma jaħsbuha xejn biex ineħħu l-ħajja ta’ dawk li huma kkunsidrati bħala avversarji f’dinja li ftit nafu dwarha u meqjusa bħala waħda perikoluża.
Il-pulizija qed timxi wkoll fuq it-teżi li l-karozza bomba fil-Marsa li f’Jannar ta’ din is-sena ħalliet lil Victor Calleja mejjet u l-każ ta’ qtil ta’ Sylvester Farrugia li bih hemm akkużat bniedem il-Qorti jistgħu jkunu wkoll marbuta. Anke jekk dan il-każ ta’ dan tal-aħħar jidher xi ftit differenti għax l-akkużat kien se jispiċċa vittma tal-mejjet li jidher li ma’ oħrajn kienu sejrin iqabbdu l-bieb tad-dar, sejbiet li saru saħħew il-fehma tal-pulizija li xi tip ta’ rabta jista’ jkun hemm. Ma’ dawn kien hemm numru ta’ karozzi bomba s-sena li għaddiet fejn ħafna drabi t-tattika tkun l-istess.
Il-Kabinett tal-Ministri wkoll huwa mħasseb bil-frekwenza li saru biha dawn l-attakki u anke l-fatt li l-aħħar wieħed sar f’post frekwentat f’ħin bieżel, tant li ltaqa’ biex jiddiskuti l-każ.