F’dawn il-jiem ta’ festi l-ħidma tal-Pulizija tat-traffiku se tkun qed tintensifika permezz ta’ aktar testijiet tan-nifs u ta’ road checks, kemm billejl kif ukoll binhar, sabiex tiġi assigurata aktar is-sigurtà fit-toroq. Dawn se jkunu assistiti mit-taqsima tal-ALE u anke tal-klieb għat-tfittxija tad-droga.
Waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela lis-sezzjoni tal-pulizija tat-traffiku stazzjonata fil-garaxx tal-Pulizija, il-Furjana, huwa appella għal divertiment responsabbli u rispett lejn il-forzi tal-ordni, li f’dawn il-jiem ta’ ċelebrazzjoni xogħolhom jiżdied sew.
F’din l-okkażjoni l-Ministru ta ħarsa lejn il-ħidma li saret minn din is-sezzjoni matul l-aħħar sena. Semma li fil-qasam tat-testijiet tan-nifs magħrufa bħala l-breathalyser test, saru 230 test f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex – żieda sostanzjali fuq is-sena 2015, fejn saru 89 breathalyser test. Dan grazzi għall-apparat il-ġdid tar-road side breathalyser test li kisbet il-Pulizija, li huwaportable, bir-riżultati joħorġu dak il-ħin stess u huwa tajjeb bħala evidenza ppreżentata fil-Qorti.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-ħidma fil-qasam tar-road checks, fejn fl-2016 saru 850 spezzjoni b’250 minnhom mis-sezzjoni tat-traffiku f’diversi lokalitajiet, speċjalment f’dawk ta’ divertiment.
Irrefera wkoll għan-numru ta’ persuni mressqa l-Qorti fuq sewqan taħt l-effett tax-xorb, li fis-sena 2016 ammontaw għal 190, b’89 diġà jinstabu ħatja. Minn dawk misjuba ħatja, kien hemm varjazzjoni fil-pieni skont il-każ, minn multi bejn €1,200 u €1,800, inklużi xhur ta’ sospensjoni tal-liċenzja.
Il-Ministru Abela qal li fejn jidħol l-użu tal-mobile phone waqt is-sewqan, fis-sena 2016 inħarġu aktar minn 7,000 kontravenzjoni, b’5,551 mis-sezzjoni tat-traffiku.
Il-Ministru tkellem dwar l-attenzjoni li qed tingħata lil din is-sezzjoni permezz taż-żieda fir-riżorsa umana u tan-numru ta’ muturi. Illum, din is-sezzjoni għandha 52 pulizija, 45 pulizija bil-muturi tagħhom mingħajr il-ħtieġa li jissellfu muturi bejniethom. Innota li bħalissa għaddejjin trattativi biex fis-sena li ġejja jinxtraw aktar muturi.
Flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, irringrazzja lill-pulizija tad-distretti u tal-iskwadri għall-ħidma tagħhom, u sostna li s-sezzjoni tal-pulizija tat-traffiku se tibqa’ kommessa b’aktar eżerċizzji bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza fit-toroq u tippreveni l-inċidenti.
Appella lill-pubbliku biex jekk jixrob, juża trasport alternattiv u ma jispiċċax vittma ta’ inċident tat-traffiku, li fis-sena 2016 irriżultaw f’total ta’ 6,500 inċident li minnhom kien hemm 23 fatalità u 300 persuna mweġġgħa gravi. Fuq livell Ewropew, is-sena 2016 rat 26,000 persuna titlef ħajjitha f’inċidenti fit-toroq, bl-ikbar kawżi jkunu l-effett tax-xorb, l-użu tal-mobile phone u l-għeja.
Esprima wkoll kliem ta’ gratitudni u ta’ ringrazzjament lejn il-membri l-oħra kollha tal-forzi tal-ordni, għas-sagrifiċċji kollha tagħhom favur il-protezzjoni tas-soċjetà.