L-allegat qattiel tal-Eġizzjan ta’ 43 sena, inqabad wara informazzjoni ġdida li kisbet il-Pulizija minn terzi persuni u s-sejbien tal-vettura tiegħu.
Qal dan il-kelliem tal-Korp tal-Pulizija s-Sur Brandon Pisani waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa waranofsinhar hekk kif ikkonferma l-istorja ta’ ONE News li l-Pulizija għandha fil-kustodja tagħha persuna ta’ 42 sena b’rabta ma’ dan l-omiċidju li seħħ tliet snin ilu fi Triq San Dimitri, l-Għarb.
Pisani kkonferma wkoll dak li rrapporta ONE News ftit tas-sigħat ilu li l-allegat agressur se jkun qed jitressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex illejla għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kompla jiġi spjegat kif fl-aħħar ġimgħat intensifikaw l-investigazzjonijiet u l-analiżi tal-filmati elevati minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi fejn seħħ l-omiċidju fil-15 ta’ Jannar 2018.
Ġie spjegat ukoll kif instabet il-vettura li l-allegat agressur kien ix-xufier tagħha, f’pussess ta’ terzi persuni.
Il-pulizija qalet li l-vettura li ntużat fl-omiċidju nstabet disa’ xhur wara l-qtil u nstabet f’Malta meta l-omiċidju seħħ f’Għawdex.
L-allegat qattiel ġie arrestat għall-ewwel darba fl-10 ta’ Mejju li għadda u kien ingħata l-police bail darbtejn sabiex ikomplu l-investigazzjonijiet.
Fil-fatt, is-Sur Pisani tenna li l-aħħar investigazzjonijiet għadhom għaddejin u qed jiġu interrogati aktar persuni.
Is-Sur Pisani spjega wkoll kif l-arma li uża l-agressur kienet shotgun.
Tenna li l-qattiel spara ħames tiri bi tnejn minnhom jolqtu lill-vittma f’għonqu u f’sidru hekk kif l-Eġizzjan instab mejjet wiċċu ’l fuq.
Intant ONE News jista’ jikkonferma li l-allegat qattiel huwa Serb bl-isem ta’ ta’ Aleksandar Stojanovic.
Stojanovic għandu 42 sena u mhux l-ewwel darba li xellef difrejh mal-ġustizzja.
Sitt snin ilu huwa kien ġie kkundannat għal disa’ xhur ħabs wara li seraq bosta oġġetti minn Land Rover ipparkjata f’San Ġiljan.
Dak iż-żmien kien intqal li l-oġġetti misruqa, fosthom mobiles, kienu jammontaw għal valur ta’ €1,200.
Il-vittma f’dan il-każ kellu żewġ itfal u kien miżżewweġ Għawdxija.