Il-Pulizija tarresta mara ta’ 40 sena u raġel ta’ 44 sena fuq allegatament serqiet ta’ basktijiet u oġġetti oħra minn fuq bajjiet f’Birżebbuġa.
Dan sar wara investigazzjonijiet konġunti bejn il-Pulizija tal-Għassa ta’ Birżebbuġa u l-Pulizija tal-Komunità. Fil-fatt, il-Pulizija tal-Komunità irċieva informazzjoni dwar il-persuni waqt ir-rondi li qed isiru ta’ spiss fl-inħawi tal-Bajja s-Sabiħa.
Dan wassal biex l-arrest isir f’qasir żmien.
Intant, minn diversi tfittxijiet li saru mill-Pulizija, inkluż fir-residenza tas-suspettati, il-Pulizija sabu diversi oġġetti li allegatament ġew irrapportati misruqa minn fuq il-bajjiet f’Birżebbuġa f’dawn l-aħħar ġimgħat, fosthom; numru ta’ mobiles, diversi kartieri, nuċċalijiet, portable speakers u dokumenti personali ta’ terzi persuni.
Iż-żewġ persuni qed jinżammu taħt arrest fil-Lock up tal-Pulizija fil-Furjana filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.