Ftit tas-sigħat wara li seħħ l-ewwel omiċidju tas-sena, l-Pulizija, fid-Depot arrestat raġel ta’ 25 sena mill-Għana b’rabta mad-delitt tal-Ħamis filgħaxija.
Il-każ seħħ fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa, meta qam argument bejn żewġt irġiel fejn wieħed minnhom spiċċa ferut b’daqqiet ta’ sikkina.
Il-vittma, li huwa Ghaniż ukoll u kellu 23 sena, miet ftit tal-ħin wara fl-isptar wara li anki ngħata s-CPR fuq ix-xena tad-delitt.
Minn informazzjoni miksuba minn fuq il-post tar-reat, ONE News jista’ jikkonferma li r-raġel inqatel permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina.
Fi stqarrija dalgħodu, il-pulizija kkonfermat il-każ irrappurtat l-ewwel minn one.com.mt u qalet li l-vittma kellu tliet daqqiet ta’ sikkina f’sidru.
Intant l-allegat aggressur ġie arrestat għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu wara li l-pulizija ċċirkondaw dar fi Triq Azzopardi, il-Marsa.
Kif il-pulizija daħlu fid-dar, raw persuna tipprova taħrab għal fuq il-bejt u l-pulizija arrestatu minnufih.
Minn aktar tfittxijiet instabet ukoll is-sikkina li allegatament intużat fil-qtil.
Is-sikkina instabet qalb is-siġar fi Triq il-Jum.
Matul il-lejl, ONE News irrapporta li xhieda li raw il-każ identifikaw lill-aggressur u immedjatament skattat tfittxija mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, liema tfittxija ħalliet il-frott ftit tal-ħin wara.
Fuq ix-xena tar-reat kien hemm l-investigaturi mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tal-Omiċidji mmexxija mill-Assistent Kummissarju Sandro Gatt u s-Supretendent Keith Arnaud flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri u Kurt Zahra.
Huma bdew ikellmu lix-xhieda kif ukoll permezz tal-assistenza tal-esperti forensiċi ddokumentaw ix-xena tar-reat.
F’filmati miġbuda minn ONE News, l-esperti forensiċi dehru wkoll jelevaw kampjuni minnn għadira demm li tħalliet mill-vittma hekk kif huwa instab mixħut fl-art biswit stalla li tinsab fl-istess triq.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella li ħatret diversi esperti biex jassistuha.
AQRA WKOLL
https://www.one.com.mt/2021/06/10/rag9el-fkundizzjoni-serjai-wara-li-qala-daqqa-ta-sikkina-fil-marsa2/