Johnson Anena, Niġerjan ta’ 41 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ allegat frodi magħruf bħala ‘romance fraud.’
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, in-Niġerjan ġie akkużat ukoll b’reati ta’ ħasil ta’ flus u li rċieva oġġetti misruqin, fost oħrajn.
L-assi tal-akkużat ġew ukoll iffriżati hekk kif il-prosekuzzjoni spjegat li l-investigazzjoni b’rabta mal-każ għadha għaddejja.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li r-raġel ħarab minn Malta, iżda fil-ġimgħat illi għaddew ġie arrestat fir-Renju Unit permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Internazzjonali maħruġ mill-Pulizija Maltija.
Huwa wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi.
Fl-awla, id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.