F’inqas minn 24 siegħa li seħħ l-argument imdemmi f’Wied il-Għajn, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel. Fl-argument intużat arma li taqta’ u bil-ponta.
Fi stqarrija mill-Pulizija, intqal li wieħed mill-irġiel ġie arrestat fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa fil-Mosta, waqt li t-tieni raġel ġie arrestat l-Erbgħa waranofsinhar f’San Ġwann.
ONE News kien preżenti għall-operazzjoni li saret mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit f’appartament fi Triq San Mikiel f’Ġwann.
F’din l-operazzjoni kienu involuti wkoll numru kbir ta’ pulizija, flimkien ma’ dawk tal-Forensika, li elevaw xi armi mill-appartament.
Kif żvelat minn ONE News it-Tlieta, jirriżulta li nqala’ argument għall-ħabta tas-6:30, fi Triq is-Sikka f’Wied il-Għajn. Stqarrija tal-Pulizija l-Erbgħa filgħodu qalet li ż-żewġ persuni li ndarbu b’mod gravi huma t-tnejn Taljani, wieħed ta’ 52 sena u l-ieħor ta’ 37 sena.
ONE News seta’ jinnota minn fuq il-post tar-reat kien ħafna demm mal-art, anke fuq barra tar-residenza fejn seħħ il-każ. Skont sorsi tagħna, aktarx li l-każ hu marbut mad-droga u attività kriminali.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech.