Matul il-lejl, il-Pulizija arrestat żagħżugħ ta’ dsatax-il sena minn Santa Venera b’rabta mal-każ tal-isplussiv żgħir barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamis filgħodu.
Il-ġuvni ġie arrestat minn garaxx fil-Ħamrun, fejn instab ukoll splussiv li jaqbel ma’ dak użat fil-każ tal-bieraħ, kif ukoll materjal ieħor.
Fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri kiteb li, bħala prekawzjoni, ġew evakwati xi residenti fil-Ħamrun matul il-lejl, waqt li, matul il-jum tal-Ġimgħa, l-Ammunition & Explosives Squadron tal-Forzi Armati ta’ Malta, flimkien mal-Pulizija, se jkunu qed jaħdmu fiż-żona.
Ingħalaq l-aċċess għaż-żona tal-garaxx fejn instab iż-żagħżugħ u ONE News hu informat li r-residenti ta’ erba’ appartamenti biswit inżammu ’l bogħod minn djarhom għas-sigurtà tagħhom.
Il-Pulizija fuq il-post qed jistħarrġu biex jistabbilixxu eżatt x’tip hu l-isplussiv.
Minkejja dan, sorsi ta’ ONE News qalu li l-isplussiv, li nstab fil-garaxx taż-żagħżugħ, hu magħruf bħala TATP.
Dan mhuwiex splussiv komuni u simili tiegħu saħansitra ntuża f’attakki li saru f’pajjiżi Ewropej fl-aħħar żminijiet, fejn ukoll tilfu ħajjithom mijiet ta’ persuni.
Fost dawk fejn intużat t-TATP kien hemm l-attakk fit-Teatru Bataclan ta’ Pariġi fl-elfejn u ħmistax, dak fl-Ajruport ta’ Brussell fl-elfejn u sittax, fil-Manchester Arena u fl-istazzjon ċentrali ta’ Brussell fl-elfejn u sbatax.
Dwar il-każ lokali wkoll għadha għaddejja inkjesta maġisterjali.