Qattus instab imqaxxar ħaj fl-Imdina. Dwar dan l-aġir kriminali ġie nfurmat is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri.
L-inċident, li jidher li sar jumejn ilu, ġie rrappurtat lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali dalgħodu.
Fi stqarrija ntqal li immedjatament bdiet ħidma ta’ koordinazzjoni bejn id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u l-Pulizija biex, fejn hu possibbli, ikun identifikat min għamel dan ir-reat.
Is-Segretarju Parlamentari, filwaqt li iddeplora bil-qawwa kollha dan l-aġir kriminali, saħaq li hemm kooperazzjoni mal-Pulizija sabiex issir ġustizzja f’dan il-każ.
Sadanittant il-pubbliku inġenerali hu mitlub biex min għandu xi informazzjoni dwar il-każ jgħaddiha, anke b’mod anonimu, lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali billi jċempel fuq in-numru 1717.