Kollox jindika li l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia ma nhaddmitx mit-tlett akkuzati mixlija bil-qtil tagħha f’nofs Ottubru li għadda.
Żvelaw dan ma’ ONE News imkejjen qrib l-investigazzjoniijiet tal-pulizija li qalu li mhux qed jeskludu li l-bomba ngiebet minn barra.
Il-Pulizija saħqu dwar l-importanza li jiġi stabbilit l-involviment ta’ terzi persuni fosthom l-importatur f’każ li din inġiebet minn barra jew inkella l-persuna li ħadmet il-bomba.
Madankollu l-istess sorsi qalu li mhux qed jiġi eskluż li l-grupp kriminali li jagħmlu parti minnu Vince Muscat il-Koħħu u George u Alfred Degorgio magħrufa bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu, kienu wkoll l-eżekuturi f’każijiet oħra ta’ karozzi bomba.
Huwa għalhekk li l-investigaturi qed jagħrblu sew is-sitt każi l-oħra ta’ karozzi bomba u janalizzaw id-dinamika u t-teknika użata fihom bil-għan li jinxteħet dawl ġdid fuq l-investigazzjonijiet.
Każijiet li ġraw bejn l-ewwel ta’ Ġunju tas-sena elfejn u erbatax u t-tnejn ta’ frar tas-sena 2017.
Dan kuntrarju għall-grupp ta’ tliet persuni li jinsabu wkoll mixlija bil-bomba mal-karozza u l-attentat ta’ qtil ta’ Mario Scicluna fl-erba ta’ Jannar li għadda fil-Fgura.
Fejn s’issa hu mifhum li f’dan il-każ il-persuna li ħadmet il-bomba kien Lorenzo Callus magħruf bħala l-Ħeswes fuq ordni tal-allegat mandatur Pawlu Farrugia magħruf bħala l-Kwatru u li fl-esekużżjoni kellu sehem ukoll Jonathan Farrugia magħruf bħala Ġanni ta’ Nina.
Dwar dan il-grupp, l-istess sorsi qalu li l-Pulizija ukoll mhux qed teskludi li dawn it-tliet kriminali kienu l-moħħ wara każijiet oħra ta’ karozzi bomba fl-aħħar snin.
Madankollu eskludew kompletament lill-bomba ta’ Caruana Galizia nħadmet minn Lorenzo Callus il-Ħeswes, għaliex fost oħrajn it-teknika hija differenti.
B’ sitt persuni akkużati fil-Qorti bl-esekuzzjoni ta’ karozzi bombi, l-Pulizija qed tinvestiga b’ reqqa t-tmien każijiet kollha ta’ karozzi bomba fl-aħħar erba’ snin fejn fost oħrajn ħallew lil Darren Degabriele, Martin Cachia, in-negoazjant John Camilleri, Victor Calleja magħruf bħala ċ-Chippy u l-Daphne Caruana Galizia bla ħajja filwaqt lin-negozjant Josef Cassar u Romeo Bone midruba.
Sadanittant, il-Pulizija għadha wkoll qed tistabbilixxi il-fatti b’ rabta mal-aħħar każ ta’ bomba fil-Għargħur li ħalla lil Kevin Ellul magħruf bħala d-double zero midrub wara bomba li splodiet fir-razett li kien jiffrekwenta.
Dwar dan il-każ s-sorsi qalu lill-investigaturi għadhom qed janalizzaw dan il-każ b’ reqqa u mhux jiġ eskluż li l-bomba kienet qed tinħadem fir-razzett, jew inkella din tpoġġietx hemm minn terzi persuni.