Madwar 150 persuna kienu arrestati t-Tlieta f’operazzjoni intensiva kontra l-mafja fil-belt kapitali ta’ Sqallija bil-midja Taljana tirrapporta li din kienet l-akbar attività kontra l-mafja f’dawn l-aħħar erbgħin sena.
Aktar minn 1200 uffiċjal tal-pulizija ħadu sehem f’rejds immirati lejn l-organizzazzjoni kriminali Cosa Nostra.
F’dikjarazzjoni tal-pulizija Taljana intqal li nħarġu total ta’ 183 mandat ta’ arrest kontra l-membri tal-mafja għalkemm 36 mis-suspettati diġà kienu jinsabu arrestati.
L-akkużi miġjuba kontra s-suspettati jvarjaw minn estorsjoni u assoċjazzjoni mal-mafja sa traffikar tad-drogi u attentati ta’ qtil.
Għal ħafna snin Cosa Nostra kienu jiddominaw Sqallija iżda f’dawn l-aħħar 25 sena din l-influwenza kienet bdiet tidgħajjef sew.
Il-pulizija qalu li din l-organizzazzjoni kienet qed tuża metodi moderni u tattiċi ġodda sabiex ma jinqabdux mill-pulizija. Fost ħafna affarijiet, telefowns ċellulari li ma jkunux jistgħu jiġu ntraċċati kienu qed jiddaħlu fil-ħabs sabiex il-membri tagħhom setgħu ikomplu biex xogħol illeċtu tagħhom minn ġoċ-ċella filwaqt li ħafna laqgħat bdew isiru b’komunikazzjonijiet virtwali.
F’kitba fuq X, il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni qalet li dawn l-arresti taw daqqa kbira lil Cosa Nostra u li l-kriminalità organizzata kellha l-problemi.