Il-Pulizija fil-Komunità tal-Marsa, flimkien ma’ għadd ta’ għaqdiet mhux governattivi, organizzaw festin tal-Milied għall-ewwel darba, għal nies bi problemi soċjali.
Dan bil-għan li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, dawn il-persuni jħossuhom parti mill-komunità, u fl-istess waqt, jingħataw identità u dinjità.
ONE News żar din l-attività, fejn kien hemm l-Ispettur responsabbli mill-Community Policing fil-Marsa, Mark Cremona.
Huwa qalilna kif permezz tal-ħidma ta’ kuljum tal-uffiċjali fil-komunità, ġew identifikati xi persuni bi problemi soċjali u tħejja riċeviment għalihom fejn mhux biss kielu flimkien, imma anki ngħataw oġġetti li jistgħu jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum.
Qal, “Identifikajna nies li għandhom problemi soċjali, anke persuni homeless li llum ħassejna l-bżonn li għandna noffru spazju u fil-bidu ta’ dawn il-festi tal-Milied, nagħtuhom opportunità sabiex flimkien ma’ entitajiet oħra, inkunu nistgħu noffrulhom diversi affarjiet u fil-fatt illum iltqjana ġewwa l-Meeting Place fejn ħa nagħtuhom xi ħaġa tal-ikel u oġġetti biex ikunu jistgħu jużaw meta jkunu barra.”
Huwa kompla jispjega kif b’inizjattivi bħal dawn, il-Pulizija jkomplu jsaħħu r-relazzjoni tagħhom ma’ dawn il-persuni.
Stqarr, “L-idea hi li l-Pulizija jkunu hemmhekk mhux biss biex joffru aspett ta’ serħan il-moħħ fil-komunitajiet tagħna iżda jkunu ta’ sapport soċjali anki għal dawn il-persuni.”
Tkellimna wkoll ma’ Saviour Grima, li jieħu ħsieb il-post fejn ittella’ dan l-avveniment.
Huwa stqarr magħna l-importanza li fi żminijiet bħal dawn, meta kulħadd ikun magħqud u jattendi attivitajiet soċjali, naħsbu f’dawk li huma inqas ixxurtjati minna.
Qal, “Qed issir ikla għal nies li huma homeless, jinsabu fit-toroq, li l-Pulizija u l-NGOs jaħdmu kontinwament magħhom. L-idea hi li nagħtuhom din id-dinjità, post li fil-Milied forsi ħafna drabi ninsew lil kulħadd li għaddej fit-tbatija u s-sofferenzi u dan hu mument fejn jerġa’ jfakkarna ftit li dawn il-persuni għandhom dinjità, għandhom ħajja u f’dan il-Milied tajjeb li niftakru ftit f’dawn il-persuni li, minkejja s-sitwazzjoni soċjali tagħhom, xorta għandhom x’jagħtu kontribut u f’isem l-NGOs li naħdmu magħhom, tajjeb li nifhmu wkoll li l-għan huwa li tkun ħafna viċin tagħhom.