Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni fl-aħħar jiem bdiet is-sorveljanza tagħha fil-Ħamrun, fejn bdiet tagħmel għadd ta’ spezzjonijiet simili għal dawk li qed isiru fil-Marsa. F’dawn l-ispezzjonijiet, il-Pulizija qiegħda żżomm persuni li jkunu qed jgħixu f’pajjiżna b’mod irregolari jew li jkunu qegħdin jitlajaw għax-xogħol mingħajr permess tax-xogħol. Dan qed issir bis-saħħa tal-poteri li ngħataw il-Pulizija permezz ta’ żewġ ‘by-laws’ li għaddew il-Kunsilli tal-Ħamrun u l-Marsa.
Ix-xogħol kollu f’dawn il-lokalitajiet qed issir bl-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. L-Assistent Kummissarju Nezren Grixti responsabbli mill-RIU, qal li apparti l-karozza tar-ronda ta’ kuljum, qed jiddedika karozza tal-Pulizija erba’ u għoxrin siegħa kuljum fil-Marsa biss. Ir-rondi jirdupjaw f’ħinijiet oħra tal-ġurnata qal Grixti,“Wara ċertu ħinijiet li stabilixxejna li fhom ikun hemm iżjed inkwiet, qed nirdupjaw ir-riżorsi tagħna. Nista’ ngħid li qed nissorveljaw dawn iż-żewġ lokalitajiet, il-Marsa u l-Ħamrun b’mod kontinwu.”Il-ħidma f’dawn il-lokalitajiet qed twassal sabiex jinġabru nies minn lokalitajiet oħra. F’każijiet partikolari, il-ġbir ta’ persuni minn lokalita’ qed iwassal biex jinġabru aktar persuni li jkunu jgħixu flimkien b’mod irregolari.
Is-Supretendent Joe Hearsey li jmexxi l-Għases tal-Ħamrun u l-Marsa spjega li l-ispezzjonijiet qed isiru fuq kull persuna li tista’ tidher suspettuża, irrelevanti n-nazzjonalità tiegħu. “Persuni barranin, immigranti jew le; hu obbligu tal-Pulizija li naraw li dawn qegħdin hawn legali, għax jista’ jkun ġejjin mill-italja u jkunu izjed minn tliet xhur joqgħodu hawn. L-ispezzjonijiet isiru mhux fuq ta’ karnaġġjon skura biss imma fuq nies oħra wkoll”,qal is-Supretendent Hearsey.
Il-Pulizija qed jagħmlu għadd ta’ spezzjonijiet oħra, fosthom fuq sewwieqa ta’ karozzi u oħrajn għall-għarrieda f’kull tip ta’ ħanut fiż-żewġ lokalitajiet. “Qed naraw minn huma l-licencees, nġibu koppja tal-permess biex ikollna r-rekords kollha, u jekk ikun ħanut tal-‘Wine and Spirits, jekk ma jkunx hemm il-licencee preżenti u lanqas is-‘substitute’ qed inressqu wkoll persuni l-Qorti”sostna Hearsey, fejn żid li din il-ħidma qed tittieħed b’serjeta kbira.
Is-Supretendent Hearsey qal li issa l-għassa tal-Marsa għandna Spettur għaliha biss. Dan filwaqt li l-ħidma tal-Pulizija diġà bdiet tidher, evidenti l-pjazza tal-Ħamrun;“Kien hemm żminijiet fil-passat li filgħaxija ma stajtx tinżel b’li kien ikun hemm, iżda jekk tiġi llum saħansitra anke tfal jilgħabu l-futbol ikun hawn u familji”.
Ir-Rapid Intervention Unit żiedet is-sorveljanza wkoll f’lokalitajiet oħra li qed jitqiesu bħala problematiċi. Filfatt l-Assistent Kummissarju Nezren Grixti qal li f’dawn l-aħħar xhur żdidu żewġ vetturi f’kull xift.
Min-naħa tiegħul-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li fil-ġimgħat li ġejjin se tiżdied il-forza ta’ taqsimiet oħra f’dawn il-lokalitajiet fosthom dak l-Administrative Law Enforcement l-ALE li se jibdew jagħmlu r-rondi tagħhom.I