Fuq jumejn, il-pulizija arrestat 15-il persuna b’rabta ma’ ħasil ta’ flus.
Fi stqarrija l-pulizija tat dettalji wara diversi rapporti u prosekuzzjoni fil-Qorti.
Il-pulizija qalet li bejn il-Ħadd u t-Tlieta saru l-arresti f’diversi postijiet madwar il-pajjiż.
Dan wara diversi xhur ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji.
Waqt din l-operazzjoni l-Pulizija elevat 36 vettura, €60,000 fi flus kontanti, ammont konsiderevoli ta’ ġojjelli u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludu fost oħrajn mobiles, kompjuters u servers u ammont kbir ta’ dokumenti li qed jiġu analizzati.
Il-pulizija qalet l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin iżda ħamsa mill-persuni arrestati tressqu quddiem il-Qorti mixlija b’ħasil ta’ flus u reati oħra.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija Maltija ġew ikkordinati ma’ msieħba barranin, inkluż il-Europol, kif ukoll entitajiet Amerikani, Taljani u Ingliżi.
Intant f’digriet li tat, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech irrevokat deċiżjoni li ttieħdet mill-Qorti aktar qabel dwar divjett ta’ żewġ eks plejers tal-futbol, Darren Debono u Jeffrey Chetcuti.
Din ir-revoka waslet wara rikors mill-prosekuzzjoni li qalet li issa ma hemmx il-ħtieġa li d-divjett jibqa’ jgħodd wara li l-Erbgħa filgħaxija tressqu l-Qorti tliet persuni mixlija b’ħasil ta’ flus ta’ miljuni ta’ ewro.
Il-prosekuzzjoni qalet li dawn l-aħħar arresti kienu kruċjali għall-investigazzjoni.
It-Times kienet irrappurtat li b’rabta mar-rejds li twettqu, l-eks plejers tal-futbol, Darren Debono u Jeffrey Chetcuti, it-Tnejn tressqu l-Qorti akkużati b’ħasil ta’ flus u kuntrabandu.
Din is-seduta saret wara l-bibien magħluqa u l-imputati ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.
Huwa mifhum li l-Pulizija żammet profil baxx waqt li wettqet dawn ir-rejds hekk kif kien għad hemm numru ta’ persuni x’jiġu arrestati.
Fost l-arrestati wkoll kien hemm l-avukat Arthur Azzopardi li aktar tard ingħata l-police bail.
L-Erbgħa filgħaxija inżammu arrestati Shawn Higgans, Gordon u Yvette Debono.
Dawn tal-aħħar għandhom numru ta’ kumpaniji involuti fl-allegat ħasil ta’ flus.
Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tal-imputati mressqa l-Qorti.