Fil-ħin li ġej, il-pulizija tista’ tkun qed tagħti dettalji u żviluppi ġodda b’rabta mal-qtil doppju li seħħ bħal-lum ġimgħa f’dar lussuża f’tas-Sliema.
Nifhmu li fl-aħħar jiem, il-pulizija mxiet sew fl-investigazzjonijiet u saħansitra ddentifikat wieħed mis-suspettati fil-qtil tal-koppja.
Ilbieraħ tvm irrapporta li fil-parkeġġ tal-isptar San Luqa instabet l-allegat karozza bajda li ntużat sabiex it-tliet suspettati ħarbu minn fuq ix-xena tad-delitt.
F’din il-karozza SUV ingħad li nstab tagħmir sofistikat li jfixkel il-frekwenzi tal-mobile, tar-radju u l-kameras tas-sigurtà.
Dettalji oħra li għandu f’idejh ONE News jgħidu li l-pulizija eżaminat sensiela ta’ filmati elevati minn kameras tas-sigurtà li jinsabu f’partijiet differenti fil-pajjiż u rnexxielhom jistabilixxu l-vjaġġ tal-karozza l-bajda wara li seħħ il-qtil.
B’hekk, nifhmu li l-pulizija waslet għas-suspettati li allegatament ħallew il-karozza fil-parkeġġ tal-isptar San Luqa.
Il-ġimgħa l-oħra ONE News irrapporta li l-allegat eżekuturi f’dan il-qtil aktarx huma barranin.
ONE News huwa nfurmat ukoll li ftit wara li seħħ il-każ, il-pulizija kellha għassa stretta dwar min kien ħiereġ mill-pajjiż mill-ajruport u l-portijiet Maltin.
Il-pulizija kkordinat mal-awtoritajiet tal-portijiet sabiex jiġi żgurat li s-suspettati ma jaħarbux mill-pajjiż bil-baħar.
Jirriżulta li t-tliet suspettati damu biss erba’ minuti fid-dar u jista’ jkun li persuna oħra kienet qed tistennihom fil-karozza wara li mill-filmati elevati, ħadd mit-tliet suspettati ma deher jirkeb fil-karozza min-naħa tal-bieba tax-xufier.
It-Tabib Dr. Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski nstabu mejta f’darhom wara tiri sparati.
Pandolfino nstab mejjet fl-intrata filwaqt li Maciejowski nstab mejjet fis-sular ta’ fuq tad-dar.