Kurt Aquilina ta’ 19-il sena minn Birżebbuġa inagħta sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li wieġeb ħati tal-akkużi ta’ serq ta’ flus kontanti mingħand ommu, li jgħixu fl-istess dar.
Sorsi qrib l-investigazzjoni spjegaw ma’ one.com.mt li l-omm sabet €54,000 neqsin minn ġo tower tal-kompjuter fir-residenza tagħhom f’Birżebbuġa. Hija mmedjatament għamlet rapport lill-Pulizija. Wara li nfetħet inkjesta l-flus instabu f’kaxxa taż-żraben li kienet għand il-binha. L-istess sorsi qalulna kif l-omm innutat li flus kineu neqsin wara li marret sabiex tieħu €100 li kellha bżonnhom għal żmien il-Milied.
Wara l-ammissjoni tal-ġuvni, l-Maġistrat spjegat kif dan ir-reat jista’ jġorr miegħu piena ta’ 7 snin ħabs.
Omm l-imputat, li kienet il-vittma tas-serqa, ħafret lil binha għar-reat li wettaq fil-konfront tagħha. Imbikkma u taħt ġurament, l-omm spjegat kif il-flus kienu rritornati lura fl-intier tagħhom. Hija spjegat ukoll kif fil-passat il-ġuvni esperjenza żminijiet diffiċli u ma tixtieqx li tkompli tgħarraq lil binha billi titfgħu l-ħabs.
Id-difiża talbet għal piena ta’ ħabs sospiża minħabba li dan kien l-ewwel episodju fejn Aquilina xellef diffrejh mal-ġustizzja. Bil-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal dan.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mario Sciberras u Roderick Attard spjegaw kif l-imputat tressaq il-Qorti sabiex jinagħta tbeżbiża ħalli ma jintilifx minn fuq it-triq it-tajba. Huma nnutaw ukoll kif sa minn stadju bikri tal-investigazzjoni l-ġuvni kkopera magħhom u ddispjaċih ferm għall-aġir tiegħu.
Wara li reġa kkonferma l-ammissojoni tal-ġuvni, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ħadet inkonsiderazzjoni l-koperazzjoni mal-Pulizja, natura tar-reat u li l-fat li kollox kien ritornat lura. Għalhekk il-Qorti tat is-sentenza minima ta’ sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin. Il-Qorti poġġiet ukoll lill-ġuvni fuq ordni tal-protezzjoni u ordnatlu jħallas lura l-ispejjeż kollha relatata mal-investigazzjoni.