Il-Pulizija u l-iskwadra tal-omiċidji, immexxija mis-Supreretendent Keith Arnaud, solviet l-omiċidji kollha li seħħew matul din is-sena.
Wara li fl-2022, f’pajjiżna saru tmien omiċidji, is-sena 2023 kienet waħda li fiha inħasdu inqas ħajjiet minn idejn malinni f’pajjiżna. Fil-fatt matul l-elfejn tlieta u għoxrin, f’pajjiżna kellna żewġ każi ta’ omiċidji li ħallew warajhom tliet vittmi.
F’intervista li ta lil dan l-istazzjon, kien il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa li nnota s-suċċess tal-korp fejn jidħlu investigazzjonijiet f’dawn il-każijiet.
Qal, “Matul is-sena 2023 kellna żewġ omiċidji. Irrid ngħid li bħas-snin preċedenti, jiġifieri fl-aħħar sitt snin kull omiċidju li kellna f’pajjiżna kollha huma solvuti u l-persuni mressqa l-Qorti. Allura hemmhekk ukoll huwa ċertifikat li l-Korp tal-Pulizija kemm fil-prevenzjoni imma anki fl-investigazzjonijiet qed iħalli impatt fis-soċjetà Maltija biex allura nkomplu nagħmlu pajjiżna fost l-aktar pajjiżi siguri fid-dinja.”
L-ewwel omiċidju seħħ l-Erbgħa 18 ta’ Jannar, meta għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu nqatlet Pelin Kaya, żagħżugħa ta’ 30 sena mit-Turkija residenti l-Gżira u li kienet taħdem f’Malta bħala interior designer ma’ kumanija tal-għamara.
Kien għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu meta raġel, Jeremie Camilleri ta’ 33 sena ta’ dixxendenza Franċiża u Alġerina, tajjarha u qatilha f’sewqan vjolenti fi Triq Testaferrata, fl-Imsida.
Kaya ingħatat l-aħħar tislima f’moskea f’Istanbul, wara li l-katavru tagħha ttieħed bl-ajru lejn it-Turkija.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat kien taħt l-effett tad-droga u li anke kien aggressiv il-ħin kollu fil-konfornt tal-Pulizija u l-mediċi, x’ħin beda jipprova jqum u jattakka lil kulħadd. Fil-fatt hu kellu jiġi mrażżan b’taser gun qabel ma ġie arrestat. Il-Qorti sabet biżżejjed provi prima facie biex Jeremie Camilleri jgħaddi ġuri dwar il-qtil volontarju.
It-tieni omiċidju seħħ il-Ħadd 15 ta’ Ottubru fil-Marsa. Kien fid-disa’ ta’ filgħodu meta l-Pulizija ġew informati li nqalgħet kommossjoni fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa fejn sabu lil Joe Bartolo ta’ tlieta u sebgħin sena, magħruf bħala “Babbakku”, u s-sieħba tiegħu Carmen Abela ta’ sitta u ħamsin sena mixħutin mal-art mitlufin minn sensihom.
L-akkużat, Faisal Idrissu mill-Ghana tressaq il-Qorti l-għada. Fil-Qorti ntqal li waħda mill-vittmi tad-delitt doppju tal-Marsa ċemplet fuq il-linja ta’ emerġenza tinforma lill-Pulizija li hi u s-sieħeb tagħha kienu qed jiġu attakkati minn raġel. Intqal ukoll li, fl-istess telefonata, il-mara bdiet tgħajjat mar-raġel biex jitlaq ’il hemm, instema’ tisbit u t-telefonata waqfet ħesrem.
Xehdu wkoll żewġ immigranti li qalu li r-raġel mixli bil-qtil doppju fil-Marsa kien sikwit jiġġieled mal-vittma dwar il-kera. Fl-aħħar seduta, ingħad kif is-suspettat ewlieni tal-qtil doppju deher ħiereġ minn fuq ix-xena tad-delitt b’żaqqu barra, iġorr ħadida f’idu, ixejjer idejh u jgħajjat ‘Allah u akbar’.