Il-Pulizija solviet il-każijiet tal-omiċidji kollha li seħħew mill-2018 lil hawn.
Innota dan is-Supretendent mill-Iskwadra tal-Omiċidji Keith Arnaud waqt il-programm ONE Breakfast.
Huwa spjega kif kull każ jagħti sfida differenti, madanakollu, l-investigazzjonijiet tal-pulizija ma jaqtgħu xejn.
Arnaud tenna, “Minn 2018 sal-2021 f’dawk is-snin kellna 17-il każ, fejn tliet każijiet minnhom kienu qtil dopju u fihom kellna 20 vittma. Kull investigazzjoni kienet differenti minn oħra u kull investigazzjoni kellha l-isfidi tagħha biex aħna stajna naslu għas-suċċess.”
Arnaud spjega kif il-Pulizija bdiet anki ssolvi każijiet li jmorru aktar lura mill-2018.
Huwa stqarr, “Is-sena l-oħra apparti l-każijiet li ssolvew dik is-sena ġew reveduti wkoll u tressqu nies il-Qorti fuq każijiet li seħħew fl-2015, fl-2017 u anke fl-2018”
Is-Supretendent Arnaud saħaq ukoll kif fl-aħħar snin, l-iskwadra tal-omiċidji ssaħħet bi tliet darbiet u qed tħalli r-riżultati mixtieqa.
Keith Arnaud spjega, “Mis-17 ’il hawn qegħdin tliet timijiet ta’ investigaturi u l-uffiċċju tiegħi li wkoll għandi l-investigaturi, però ovvjament mhux waħdina. Magħna għandek timijiet oħrajn forensiċi, cyber crime, financial crime. Kull skwadra li ovvjament fid-dinja ta’ 2022 il-Korp qed jinveti fihom.”
Arnaud tkellem ukoll dwar l-aktar motiv komuni li wassal għall-omiċidji.
Huwa tenna, “Jekk qed nieħdu matul dawn is-snin l-aktar mottiv komuni kien propju dak ta’ każijiet domestiċi, fejn kellna sebgħa li rriżultaw li kienu marbutin ma’ omiċidji u relatati ma’ każijiet domestiċi.”
Apparti s-seba’ omiċidji ta’ każijiet domestiċi, kien hemm każ marbut ma’ serq, tnejn oħra suspettati li huma relatati ma’ attività kriminali, erbgħa ma’ ġlied filwaqt li tliet oħra għadu mhux ċar x’wassal għall-qtil.