Il-Pulizija u l-iskwadra tal-omiċidji mmexxija mill-Ispetturi Keith Arnaud, Kurt Zahra u James Grech solviet l-omiċidji kollha li seħħew matul din is-sena.
L-2019 kienet l-anqas sena li fiha kellna omiċidji f’dawn l-aħħar 19-il sena. Din is-sena f’pajjiżna kellna tliet omiċidji li ħallew warajhom erba’ vittmi.
L-ewwel omiċidju tas-sena seħħ fis-26 ta’ Marzu meta r-raħal ta’ Ħal Għaxaq inħasad bl-aħbar tal-mewt makabru ta’ Maria Lourdes Bonnici u bintha Angele Bonnici.
Wara jumejn irrapportati nieqsa, il-Pulizija sabet il-katavri tal-omm u l-bint f’għalqa fi Triq Santu Kristu f’Ħal-Għaxaq stess.
Dwar dan il-każ il-Pulizija arrestat u xliet lil Joseph Bonnici, iben u ħu l-vittmi. Fil-Qorti nstema’ kif in-nisa nqatlu permezz ta’ daqqiet f’rashom u wara ġew sparati tiri minn arma tan-nar.
It-tieni qtil tas-sena seħħ fis-6 t’April f’Ħal Far. Dakinhar żewġ persuni sparaw tiri fuq tliet immigranti li kienu mexjin biswit iċ-ċentru miftuħ minn karozza, b’Lassana Cisse Soleyman jinqatel kiesaħ u biered b’tir f’rasu waqt li ż-żewġ immigranti l-oħra ndarbu serjament.
Il-ħidma tal-invesitgaturi wasslet biex il-każ jiġi solvut madwar xahar wara meta arrestat żewġ suldati żagħżagħ, Lorin Scicluna u Francesco Fenech. Huma ġew mixlija li qatlu lil Lassana f’dak li hu meqjus bħala l-ewwel qtil b’motivazzjoni razzjali.
L-aħħar omiċidju tas-sena seħħ fid-29 ta’ Novembru meta l-Pulizija sabet raġel mixħut f’għadira demm quddiem il-monument tar-Repubblika fil-Marsa.
Wara jiem ta’ investigazzjoni l-Pulizija ressqet żewġ Somali l-Qorti u akkużathom bil-qtil tal-ġuvni ta’ 25 sena mill-Eritrea.
Din is-sena wkoll il-Pulizija bdiet tqis ukol l-għajbien ta’ Charlene Farrugia bħala omiċidju. Hija kienet ġiet irrappuratata nieqsa f’Novembru ta’ 11-il sena ilu meta dak iż-żmien kellha 25 sena.
Dan il-każ ħa żvolta ġdida fid-dsatax ta’ Lulju meta l-Pulizija kienet qed iżżomm lil John Paul Woods li dakinhar kien akkużat li wettaq serqa u żamm erba’ persuni kontra r-rieda tagħhom f’ħanut tal-merċa fil-Gżira.
Waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija huwa qal li kellu informazzjoni dwar l-għajbien ta’ Farrugia u sostna li allegatament kien hu li qatilha u ħeba biċċiet mill-katavru tagħha f’daħla fis-sur tal-Belt.
Huwa ħa lil Pulizija fil-post fejn kien ħeba l-katavru fejn testijiet tad-DNA kkonfermaw li l-għadam li nstab kien verament tat-tfajla Maltija minn San Pawl il-Baħar.