Żewġ Bulgari ntbagħtu ħames snin ħabs bejniethom wara li l-pulizija rnexxielha tkisser ċirku ta’ kriminalità ta’ serq bi vjolenza minn ħwienet f’San Ġwann u l-Mellieħa.
Marin Stoyanov Minev kif ukoll Ivan Georgiec Gyurov it-tnejn ta’ 28 sena ammettew li kienu nvoluti f’attentat ta’ serq bi vjolenza. Il-każ seħħ il-Ħadd illi għadda meta provaw jisirqu minn ħanut madankollu ma rnexxilhomx. Fil-Qorti ngħad li din mhux l-ewwel darba li l-Bulgari provaw iwettqu reat kriminali dan hekk kif separatament huma wettqu xi serqiet kemm fil-Bulgarija stess kif ukoll f’San Ġwann u l-Mellieħa.
Is-serqiet f’San Ġwann għamilhom Marin Stoyanov Minev residenti Birkirkara. Huwa ntbagħat tlett snin ħabs u ġie mmultat €232.94, wara li fil-Qorti ammetta li kkommetta serq bi vjolenza f’żewġ okkażjonijiet separati fejn kien ukoll fil-pussess ta’ arma tan-nar regolari.
Fis-serqa li seħħet fl-ewwel ta’ Ottubru li għadda mill-ħanut Heaven’s Gate, huwa seraq aktar minn €2,300 fi flus kif ukoll li żamm xi persuni kontra r-rieda tagħhom. Serqa simili seħħet tard filgħaxija nhar l-20 ta’ Lulju tal-2015 meta l-imputat seraq aktar minn €2,300 fi flus kontanti minn ħanut tal-logħob fi Triq in-Naxxar f’San Ġwann
L-akkużat li tressaq il-Qorti bi qmis nofsha miftuħa, b’idu l-ħin kollu fil-but, u mingħajr ebda emozzjoni, bla tlaqlieq ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Malli s-spiċċat is-seduta, l-istess imputat mar bilqegħda ħdejn sieħbitu u qabdu jinnamraw fl-awla fil-preżenza tal-Maġistrat Neville Camilleri. B’dan tal-aħħar dlonk interrompielhom il-mument passjonali li ħakimhom u talabhom biex jieqfu jitbewsu u jmissu l-xulxin u joħorġu jinnamraw barra.
Għal Minev, dehru l-Avukati Charlon Gouder u Shazoo Ghanavi.
Sadanittant, Ivan Georgiev Gyurov ta’ 28 sena intbgħat sentejn ħabs wara li ammetta li kkommetta serq bi vjolenza. Jidher li minbarra l-attentat ta’ serq tal-Ħadd li għadda, Minev instab ħati li seraq aktar minn €2,300 min-negozju Mambo Beach Club li jinsab fl-Armier il-Mellieħa. Il-każ seħħ fl-20 ta’ Awwissu li għadda.
Il-prosekuzzjoni fiż-żewġ każijiet li sabu lill-Bulgari bħala riċedivi, tmexxew mill-Ispetturi Fabian Fleri u minn Lydon Zammit.