Hekk kif l-Erbgħa filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia, reġa tela’ fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Keith Arnaud, li hu l-investigatur ewlieni f’dan il-każ. L-Ispettur Arnaud xehed kif l-investigazzjonijiet kontinwi b’rabta ma’ dan il-każ waslu biex fl-aħħar jiem il-Pulizija nterċetat ukoll il-karozza tal-kiri li Alfred Degorgio magħruf bħala l-Fulu kien qed juża sabiex isegwi lil Daphne Caruana Galizia.
Arnaud qal kif din il-karozza tat-tip Hyundai i10 bajda tikkorispondi mad-deskrizzjoni li ngħatat minn persuna li joqgħod fiż-żona tal-Bidnija u li fil-ġranet ta’ qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien qed jara fl-istess żona. L-Ispettur Arnaud spjega li n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza misjuba jispiċċa ‘QZ’, l-istess ittri lill-persuna inkwistjoni kienet tgħat lill-Pulizija ftit ġranet wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara l-Ispettur Arnaud, tela’ fuq il-pedana tax-xhieda is-Sur Raymond Schembri, is-sid tal-kumpanija li mingħandha Alfred Degorgio kera’ din il-karozza. Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit huwa kkonferma d-dettalji mogħtija aktar qabel mill-Ispettur Arnaud.
Fis-seduta tal-Erbgħa filgħodu kellhom joqgħodu għal kontro eżami tad-difiża uffiċjali tal-FBI li għenu lill-Pulziija Maltija f’dan il-każ. Huma kienu diġa xehdu sena ilu, madankollu kellhom jqogħodu għall-mistoqsijiet tad-difiża. Kienu ftit tal-jiem ilu li d-difiża qalet tal-Qorti li mhux se tkun qed tagħmel il-kontro eżami, bl-Ispettur Arnaud jgħid lill-biljetti tal-ajru mill-FBI kienu diġa nqataw.
F’dan il-każ il-Pulizija qed tixli lill-aħwa Alfred u George Degorgio magħrufa bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż flimkien ma’ Vince Muscat il-Koħħu.