Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tat-20.00 il-Pulizija ġiet infurmata mill-awtoritajiet tas-saħħa li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq San Patrizju, f’Birżebbugia.
Il-Pulizija marru fuq il-post fejn ġie innutat raġel mixħut mal-art rieqed, bi flokk mimmli dmijja u mhux fi stat li jikkomunika. Għaldaqstant, ġiet imsejħa ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura medika. Aktar tard huwa ġie iċċertifikat li sofra ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-Pulizija qed tinvestiga l-allegazzjoni li aktarx il-vittma waqa’ u ħabat rasu ma’ ċint kif ukoll biex tistabilixxi d-dettalji dwar l-identita’ tiegħu.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Frendo Dimech li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija mill-Għassa ta’ Birżebbugia.