Illum għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ wara nofsinhar, il-Pulizija se tressaq raġel barrani b’rabta ma’ każ ta’ qtil ta’ mara f’Għajnsielem.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta ta’ nofsinhar ġiet infurmata li Rita Ellul, mara ta’ 49 sena li kienet tgħix l-Iklin instabet mejta f’residenza fi Triq Dun Franġisk Mizzi.
B’dan il-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Il-każ ħa żvolta oħra lbieraħ wara nofsinhar, hekk kif riżultat tal-awtopsja, il-Pulizija bdiet titratta l-każ bħala wieħed ta’ omiċidju.
Dan hekk kif l-awtopsja kkonkludiet li l-mara mietet fgata.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omiċidju flimkien ma’ dawk tad-Distrett waslu għall-arrest tar-raġel.